Binja antika se tindifen fi blokka ta’ 5 sulari fl-Imġarr?

Il-Kunsill lokali tal-Imġarr ilmenta bi kliem iebes li waħda mill-eqdem binijiet fil-lokalità, eżatt f’nofs il-qalba tar-raħal, se tkun midfuna ġo blokk bini ġdid.
Huwa sostna li “…l-proposta li din il-binja tinżamm u tiġi inkorporata, jew aħjar midfuna, ġo blokka bini modern hija biss paraventu biex l-iżviluppatur taparsi qed jippreserva l-binja”.
Il-Kunsill għamel appell lill-awtoritajiet biex jerġgħu jikkunsidraw il-proposta għal dan l-iżvilupp.
Il-binja hija waħda tipikament rurali tas-seklu 16 jew 17, u l-art mhux minsusa tal-madwar tinsab fil-qalba tar-raħal, viċin il-pjazza u l-knisja parrokkjali. L-applikazzjoni taħseb biex tbiddel din id-dwejra fi blokka ta’ 5 maisonettes, 18-il appartament u 5 penthouses. Dan se jkun mibni fuq blokka ta’ ħames sulari ftit metri biss il-bogħod mit-tempji neolitiċi ta’
Ħaġrat, imniżżla bħala wirt tal-UNESCO u huwa ta’ grad 1 kif ukoll tinsab viċin xelter tat-Tieni Gwerra Dinija taħt l-art li wkoll huwa protett bil-liġi.
Il-Kunsill semma l-wirt storiku u arkitettoniku tal-post. Fost il-problemi l-oħra li semma kien hemm it-traffiku.
Fl-Imġarr diġà teżisi problema serja ta’ traffiku u parkeġġ fil-pjazza. Fi kliem il-Kunsill, l-Imġarr ma jiflaħx għal numru kbir ta’ residenzi ġodda li se jkunu qed joqtlu l-karatteristika tar-raħal.

Il-Case Officer’s Report kien irrakkomanda li tiġi rrifjutata
Il-Case Officer’s Report  irrakkomanda biex l-applikazzjoni ma tiġix approvata. Dan għaliex il-perit ma daħħalx il-pjanti fiż-żmien sitt xhur u s-Superintendenza tal-Wirt Kulturali ma laħqitx reġgħet ġiet ikkonsultata.
Il-binja tinsab fit-Triq Sir Luke Harry. L-istess żviluppatur ried jibni villaġġ turistiku minflok razzett tal-baqar f’Wied Għomor.