Binja abbandunata f’Bormla se tinbidel fi proġett tal-akkomodazzjoni soċjali

Se jsir proġett tal-akkomodazzjoni soċjali f’Bormla minflok binja antika li kienet mitluqa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal fi stqarrija li l-binja Hannover se tibda titwaqqa’ sal-aħħar ta’ din is-sena sabiex tagħmel spazju għal dal-proġett li kien twiegħed mill-Gvern.
Waqt żjara fuq il-post u laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, Galdes iddiskuta d-dettalji tal-proġett immirat biex jibbenefikw minnu l-Bormliżi.
Il-binja l-ġdida mistenni jkun fiha mal-65 appartament b’żewġt ikmamar tas-sodda flimkien ma’ 112-il garaxx u spazju ta’ 115-il karozza għall-parkeġġ, u l-fondi se jiġu mill-€54 miljun li l-Gvern issellef b’imgħax baxx mill-Bank għall-Investiment Ewropew u mill-Bank tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Iżvilupp Soċjali.
B’kollox il-proġett se jiġi jiswa €6 miljun.
Galdes enfasizza l-importanza li l-Gvern jiltaqa’ mal-kunsilli lokali ta’ fejn ikunu se jsiru proġetti simili sabiex ikun hemm l-inqas impatt negattiv  fuq il-lokalità, u bil-kooperazzjoni tal-kunsill u tar-residenti jiġim assigurat li proġetti bħal dawn ma jwasslux għall-esklużjoni soċjali.
Huwa rrefera għal proġetti simili f’Ħal Kirkop, Ħaż-Żebbuġ, Ħ’Attard u l-Qrendi.
Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli rringrazzjat lill-Gvern tal-konsultazzjoni, u qalet li l-bini ta’ ċentru taċ-childcare u ċentru għaż-żgħażagħ tal-lokalità bħala parti mill-proġett se jagħtu lura ħafna lill-komunità Bormliża.
Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott