“Bini fuq ODZ jippersisti jekk ma jinbidlux il-liġijiet” – Ombudsman Ambjentali

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman saħaq li l-liġijiet għandhom jiġu aġġornati biex l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikollha aktar sehem fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar.
Fi stqarrija, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar David Pace qed iwissi li l-bini fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) se jippersisti, sakemm l-ERA ma tingħatax id-dritt għall-veto f’applikazzjonijiet kontroversjali ta’ żvilupp.
David Pace kkundanna lill-iżviluppaturi talli qed jissottomettu applikazzjonijiet ambigwi u qal li r-responsabbiltà hija tal-bordijiet u l-kummissjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Dwar it-talba ta’ Nature Trust Malta biex il-Kummissarju jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-suġġett, il-Kummissarju qal li diġà tkellem diversi drabi meta ħass il-bżonn.
Semma kif fl-2013, issuġġerixxa abbozz ta’ pjan biex jirregola żvilupp mal-kosta u fl-inħawi, biex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni fiż-żoni vulnerabbli. Żied jgħid li dan is-suġġeriment ġie inkorporat fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li tnieda fl-2014.
F’Settembru 2015, il-Kummissarju leħħen ir-riservi tiegħu mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-qasma fil-MEPA, u enfasizza fuq dak li semma dgħufija fl-Awtorità l-ġdida (ERA) fir-rwol tagħha dwar żoni ODZ.
David Pace kompla jispjega kif dan it-tħassib kien esprimieh mill-ġdid f’Awwissu 2016, b’ittra lill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, meta t-tħassib tiegħu kien qed jiġi kkonfermat mill-istatistika ta’ numru ta’ applikazzjonijiet ODZ li kienu qed jiġu approvati minkejja l-oġġezzjonijiet min-naħa tal-ERA.