Binance li attira Muscat mhux awtorizzata mill-MFSA

Read in English.

Ftit anqas minn sentejn wara li l-kumpanija tal-cryptocurrency Binance ħabbret li se tkun qed tiftaħ l-uffiċċju tagħha f’Malta, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) qalet li l-kumpanija mhux awtorizzata mill-Awtorità biex topera l-crypto currency f’Malta.

Fi stqarrija, l-MFSA qalet li l-kumpanija Binance mhux awtorizzata biex topera l-crypto currency u għalhekk mhijiex suġġetta għar-regolarizzazzjoni tal-MFSA.

L-Awtorità spjegat li kienet qed tiċċekkja jekk il-kumpanija Binance għandhiex xi attivitajiet f’Malta li ma jaqgħux taħt l-liġi.

Fuq Twitter l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li din il-kumpanija se tkun qed tħaddem madwar 200 persuna f’Malta. Huwa kien qal li jilqa’ lil din il-kumpanija għax irid li Malta tkun l-aqwa għażla ta’ kwalità għall-kumpaniji li joperaw fit-teknoloġija finanzjarja.

Intant fuq Twitter il-fundatur tal-kumpanija Binance Chanpeng Zhao qal li f’Malta xejn ma nbidel. Fi tweet oħra huwa qal li Malta mhijiex waħda mill-aktar pajjiżi progressivi fejn tidħol l-adozzjoni tal-Bitcoin.