Bin Fidel Castro jneħħi ħajtu b’idejh

It-tifel tal-eksmexxej Kuban Fidel Castro, Fidel Ángel Castro Díaz-Balart, neħħa ħajtu b'idejh.
Fidelito, għax hekk kien magħruf minħabba li kien jixbah ħafna lil missieru, instab mejjet il-Ħamis filgħodu, skont il-midja tal-Istat ta' Kuba.
Huwa kien ibati minn dipressjoni severa u kien ilu xhur jirċievi trattament għal din il-kundizzjoni minn grupp ta' tobba.
Fl-aħħar xhur huwa kien qed jirċievi trattament mediku id-dar, wara li kien spiċċa għamel xi żmien l-isptar.
Fidelito kien fiżiċist nukleari li tħarreġ fl-eks-Unjoni Sovjetika. 
Qabel ma miet huwa kien qed iservi bħala konsulent xjentifiku fuq il-Kunsill tal-Istat Kuban, kif ukoll kien il-Viċi-President tal-Akkademja tax-Xjenza f'Kuba.
Fidelito huwa iben Mirta Dìaz-Balart, bint politikant prominenti ta' qabel ir-rivoluzzjoni Kubana. 
Ommu kienet marret tgħix fil-komunità ta' Kubani fi Florida, li kienu kontra t-tmexxija ta' Fidel Castro.