Biljunarju joħloq rekord dinji f’rigal għal bintu ta’ 7 snin

Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra, jgħid il-Malti.
Tifla ta’ seba’ snin, bint biljunarju, ingħatat rigal li ħafna tfajliet lanqas biss joħolmu li jkollhom.
F’irkant f’Ġinevra, Joseph Lau, minn Hong Kong, xtara ċurkett li fuqu kellu ġawhra prezzjuża – djamant blu li ġab il-prezz ta’ €45 miljun.
Skont id-djar tal-irkant Sotheby’s, intlaħaq rekord ġdid dinji għal kwalunkwe djamant ta’ kwalunkwe kulur.
Din mhix l-ewwel darba li dan il-missier ġeneruż xtara djamanti għal bintu, minkejja l-età żgħira.
Nhar it-Tlieta li għadda kien hu wkoll ix-xerrej ta’ djamant roża f’irkant ieħor, li nbiegħ għall-prezz ta’ €26 miljun.
Fl-2009 kien xtara djamant ieħor, dejjem għall-istess tifla, li dakinhar kien rekord – għall-prezz ta’ kważi €9 miljun. Fit-tliet darbiet, lid-djamanti differenti bidlilhom isimhom biex tahom isem bintu Josephine.