Biljunarju Ingliż b’passaport Malti suspettat aġent Russu

Biljunarju Ingliż, b’passaport Malti għadu kemm ġie akkużat li huwa suspettat aġent Russu, b’rabtiet mal-ħasil tal-flus, minn deputat fil-Parlament Ingliż.
Dan ġie rrappurtat mill-gazzetta Ingliża The Times li qalet li Christopher Chandler, kien ta’ interess għall-Franċiżi, li kienu qed jissupettaw li kien qed jaħdem għas-servizzi Intelliġenti Russi.
Ismu jinsab fil-lista ppubblikata mill-Gvern f’Diċembru li għadda li fiha l-ismijiet ta’ dawk kollha li ħadu ċ-ċittadinanza fl-2016.
L-akkuża saret minn Bob Seely, membru parlamentari ta’ Tory kif ukoll tal-kumitat tal-affarijiet barranin. Seely żvela partijiet minn dokumenti tas-sigurtà fejn qal li kienu awtentikati minn sorsi Franċiżi, Ingliżi u Amerikani.
Chandler, imwieled fin-New Zealand, jipprovdi sapport finanzjarju lil Legatum Institute, think tank ibbażat f’Londra li għandu konnessjonijiet ma’ Ministri fil-kabinett, Membri Parlamentari, ekonomisti persuni li jieħdu sehem f’kampanji li ssapportjaw lil Brexit.
L-intervent ta’ Seely huwa l-ewwel darba li allegazzjonijiet ta’ konnessjonijiet tat-tip bejn il-Kremlin u l-Legatum ħarġu fil-pubbliku. Għaldaqstant, il-Legatum sostnew li din hija gidba.
L-allegazzjonijiet huma bbażati fuq dokumenti tal-Pulizija tal-2005 li kellhom informazzjoni provduta mill-Pulizija f’Monaca u l-intelliġenza Franċiża li jkopru l-perjodi minn 1995 ‘il quddiem.