Biljetti speċjali għall-annimali li jaqsmu l-fliegu

Inizjattiva ġdida mill-Ministeru għal Għawdex se twassal biex l-annimali li jaqsmu l-fliegu jingħataw pet ticket.
B’dan il-biljett, l-annimali jiġu pprovduti b’ilma fit-terminals kemm taċ-Ċirkewwa kif ukoll tal-Imġarr, sabiex ikunu jistgħu jixorbu u jtaffu ftit mis-sħana qalila li taħkem matul is-sajf.
L-inizjattiva Pet Friendly Holiday se ssir bejn il-11 u t-18 ta’ Awwissu.
Għall-ewwel darba, kull persuna li tkun se taqsam minn Malta lejn Għawdex matul il-ġimgħa, se tingħata biljett, li jiġi ppreżentat lill-uffiċjali tal-Gozo Channel.
Apparti l-pet ticket, sidien t’annimali domestiċi se jingħataw ukoll fuljett t’informazzjoni fuq dan is-suġġett.
Se tinżamm ukoll statistika ta’ kemm qasmu annimali domestiċi tul dik il-ġimgħa.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaret l-uffiċini tal-Animal Welfare f’Għawdex, u saħqet li din hi waħda mill-inizjattivi pjanati għall-futur, sabiex ikompli jikber l-għarfien u l-imħabba lejn l-annimali domestiċi.