Biljetti Isle of MTV: Sigurtà jew ġbir ta’ informazzjoni?

Għal dawn l-aħħar 17-il sena, l-Isle of MTV, il-kunċert li annwalment iġib f’Malta kantanti rinomati, qatt ma kellu sistema tal-biljetti. 
L-avukat Dr Michael Zammit Maempel, li jispeċjalizza fil-liġi tal-protezzjoni tad-data, spjega ma’ Newsbook.com.mt li hemm modi oħrajn, minbarra l-bejgħ tal-biljetti, kif wieħed jista’ jassigura li ma jkollux aktar nies milli suppost fuq il-Fosos tal-Furjana.
Min-naħa l-oħra, il-kelliema għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) sostniet li dawn huma prassi normali li jintużaw waqt l-akbar avvenimenti fid-dinja.
“Xi skop ta’ turiżmu hemm jekk il-maġġoranza tal-udjenza hija lokali?” – Zammit Maempel
Ma’ Newsbook.com.mt Dr Zammit Maempel staqsa x’inhu l-punt li l-MTA li xogħolha hu li ġġib it-turiżmu f’Malta, qed tiġbor l-informazzjoni tal-Maltin meta t-turiżmu jiġi minn barra, u għalhekk il-poplu Malti mhux parti mis-suq tagħha.
Spjega kif prassi simili kienu jkunu bil-wisq aktar aċċettati li kieku l-informazzjoni tmur għand entitajiet bħal Heritage Malta, li tista’ tinforma lill-pubbliku dwar aspetti kulturali bħat-tempji u l-mużewijiet li jqanqlu interess lokali.
Min-naħa tagħha, il-kelliema għall-MTA spjegat li d-dettalji se jinġabru mill-organizzaturi u mhux mill-Awtorità. Irrimarkat li waqt ir-reġistrazzjoni, l-individwu għandu għażla apparti, biex jgħaddi d-dettalji lill-MTA u lill-MTV biex ikun infurmat dwar avvenimenti organizzati minnhom fil-futur.
Kompliet tgħid li l-informazzjoni tintuża biss għall-għanijiet li l-individwu jkun għażel fir-reġistrazzjoni, jiġifieri sabiex jirċievu dettalji dwar avvenimenti simili u għall-ebda raġuni oħra.
X’se jiġri mid-dettalji ta’ persuni taħt it-18-il sena?
Eluf minn dawk li jinġabru fuq il-Fosos tal-Furjana huma propju persuni taħt it-18-il sena, li taw id-dettalji tagħhom sabiex jakkwistaw il-biljett tal-Isle of MTV.
Dwar x’se jsir mill-informazzjoni ta’ minorenni, il-kelliema tal-MTA sostniet li persuni taħt l-età huma awtomatikament eżentati milli jirċievu informazzjoni b’rabta ma’ marketing
Newsbook.com.mt ra l-formola tar-reġistrazzjoni li ma tikkjarifikax b’mod ċar li l-informazzjoni ta’ minorenni mhux se tintuża.
Madanakollu hemm klawżola għal persuni taħt l-età biex wieħed jassigura li għandu l-permess tal-ġenituri biex japplika.
Dwar il-leġittimità ta’ din il-klawżola, Dr Zammit Maempel spjega ma’ Newsbook.com.mt kif kulħadd jista’ jagħmel dikjarazzjoni falza u għalhekk għandha tiġi mill-organizzaturi u l-awtoritajiet li ma jħallux sitwazzjonijiet tat-tip jiġu użati minn persuni taħt it-18-il sena.
Il-GDPR xi tgħid dwar sistemi ta’ dan it-tip?
Dr Zammit Maempel sostna li skont ir-regoli l-ġodda li jassiguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni tal-individwi, il-General Data Protection Regulation (GDPR) li se tidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju, sostna li meta wieħed se jagħti informazzjoni dwaru, għandu jkun avżat eżattament fejn se tmur l-informazzjoni u għal liema skopijiet se tintuża.
“L-organizzaturi tal-Isle of MTV f’Malta huma responsabbli mill-ispiża” – MTA
Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliema għall-MTA spjegat li s-sistema tal-biljetti taqa’ taħt l-ispejjeż tal-organizzaturi tal-Isle of MTV u se tkun qed tiġi mqabbda l-kumpanija dinjija Ticketmaster.