Isle of MTV: Aħseb biex tibbukkja biljett

Jekk bi ħsiebek tmur l-Isle of MTV għandek tkun taf li għall-ewwel darba se jkollok tordna biljetti minn qabel.
L-avveniment annwali li ilu jsir mill-2007 u ra wħud mill-akbar kantanti u gruppi tal-mużika pop f’Malta se jibqa' bla ħlas, madanakollu dawk kollha li jattendu se jkollhom jordnaw il-biljetti mis-sit tal-Isle of MTV sabiex isir kontroll aħjar tas-sigurtà għal dawk kollha li jerħulha lejn il-Fosos tal-Furjana.
Din is-sena l-festival se jkun qed isir l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju, u dawk kollha li jixtiequ jattendu qed jingħataw iċ-ċans li jirreġistraw sabiex ikunu minn tal-ewwel meta jiftħu l-ordnijiet tal-biljetti.
Ir-reġistrazzjoni se tinfetaħ ġimagħtejn qabel il-ftuħ uffiċjali tal-“bejgħ” tal-biljetti. Dawk kollha li jagħżlu li jirreġistraw kmieni, se jidħlu biċ-ċans li jirbħu sett ta’ biljetti VIP.
Għaldaqstant wieħed ma jistax jordna aktar minn massimu ta’ erba’ biljetti.
Għal dawk kollha li ma jixtiqux jordnaw il-biljetti tagħhom onlajn se jkunu jistgħu jagħmlu dan mill-entratura tal-Isle of MTV fil-jiem ta’ qabel l-avveniment.
Id-dokument bid-dettalji kollha tista’ ssibu hawn taħt.