Bilanċ bejn xogħol u ħajja – Casa jitlob lill-UE tiddeċiedi

Read in English.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-Parlament Ewropew, David Casa, ingħaqad ma’ numru ta’ membri u għaqdiet oħrajn biex iħeġġeġ lill-UE biex tistabbilixxi pożizzjoni dwar il-proposta għad-Direttiva fuq Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja għall-dawk kollha li jieħdu ħsieb it-tfal. L-appell sar lill-Kunsill għall-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur li jmissu jiltaqgħa fil-21 ta’ Ġunju li ġej.

Fost dawn l-għaqdiet, kien hemm mat-3000 NGO, 89 konfederazzjoni tat-trejd unjins, u l-Presidenti u l-Viċi Presidenti ta’ 3 gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

L-MEP David Casa qiegħed jimbotta dan id-dokument f’isem il-Parlament Ewropew. Huwa qal li sar ħafna xogħol biex din id-direttiva ssib il-bilanċ xieraq bejn il-bżonnijiet tal-ġenituri u d-drittijiet tal-impjegati. Wera ottimiżmu li fil-ġimgħat li ġejjin, għandhom jibdew jidhru l-benefiċċji ta’ dan il-pjan.

Saħaq li wasal iż-żmien li l-Istati Membri tal-UE jagħmluha ċara liema pożizzjoni se jieħdu fuq din id-Direttiva, li fil-fehma tiegħu, se jkun pass kbir ’il quddiem għad-drittijiet tal-ġenituri u l-gwardjani tat-tfal.