“Bilanċ bejn nisa u rġiel fil-ħajja pubblika u politika” – Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li bħalissa Malta qed taħdem biex ikollha rappreżentanza bilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-ħajja politika u pubblika biex b’hekk tinħoloq iktar ugwaljanza.

Il-Ministru Abela qal dan waqt li attenda avveniment fl-okkażjoni tas-70 anniverarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Marakexx fil-Marokk. Sostna li għal Malta, id-drittijiet tal-bniedem kienu u għadhom prijorità assoluta.

Malta kienet fost 164 nazzjon li ħadu sehem f’konferenza intergovernattiva fil-Marokk sabiex jiġi adottat il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sigura, Ordnata, u Regolari. Dan huwa l-ewwel ftehim tax-xorta tiegħu innegozjat bejn il-pajjiżi tad-dinja, imħejji taħt l-awspiċi tan-Nazzjonjiet Magħquda biex ikopri d-dimensjonijiet kollha tal-migrazzjoni internazzjonali b’mod ħolistiku u komprensiv.