Bilanċ assolut bejn Malta u l-Litwanja

Fil-konfront bejn Malta u l-Litwanja irrenja bilanċ assolut hekk kif dawn iż-żewġ timijiet nazzjonali temmew il-konfront ta' bejniethom fi draw ta' 1-1, biex Malta kisbet l-ewwel punt minn Grupp F.
Malta fetħet l-iskor fl-ewwel azzjoni denja ta' nota li ħoqlot fit-23 minuta permezz ta' xutt mill-isbaħ minn distanza ta' kważi 35 metru ta' Andrei Agius, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel intemm ġewwa.
Il-Litwani rritspondew mal-ewwel u mill-azzjoni li segwiet kienu ferm sfortunati li ma ġabux l-iskor indaqs met cross-shot ta' Arvydas Novikovas ħabat mal-wieqfa qabel ma ntemm f'sigurtà f'idejn il-goalkeeper Malti, Andrew Hogg, li biex b'hekk il-Maltin ħelsuha ħafif.
Il-Litwani ħarġu ferm aggressivi fil-ftuħ tat-tieni taqsima fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u ma damx m'għamlu dan. Dan meta fit-53 minuta, Vykintas Slivka, irċieva l-ballun, avvanza tajjeb lejn tarf il-kaxxa qabel venven xutt b'saħħtu li ma ta l-ebda ċans lil Andrew Hogg, biex jekk il-goal tal-Maltin kien wieħed mill-isbaħ, dan ma jistax jitqies b'inqas.
Seba' minuta wara, freekick insidjuż ta' Arvydas Novikovas  ġie mdawwar f'corner minn Andrew Hogg. Malta wieġbet fil-65 minuta permezz ta' xutt mid-distanza ta'  Luke Gambin li iżda għadda ferm barra mil-lasti difiżi minn Emiljus Zubas. Il-Maltin komplew jattakkaw u fit-72 minuta, freekiick ferm b'saħħtu tas-sostitut Clayton Failla ġie newtralizzat mill-goalkeeper Litwen, Emiljus Zubas.
Malta reġgħet ħolqot il-periklu fit-78 minuta meta Clayton Failla ndirizza freekick lejn l-awtr tal-goal Malti, Andrei Agius, bid-daqqa ta' ras ta' dan tiġi mdawra f'corner minn Emiljus Zubas.

Ritratt: MFA