​Bil-mowbajl tista’ tgħin biex jissolva t-traffiku f’Malta

Il-Professuri Maria Attard u Adrian Muscat għadhom kif ħarġu app bl-għan li jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika u l-intraprendituri biex isolvu l-problema tat-traffiku f’Malta.
Iż-żewġ professuri qalu li wieħed il-ħin kollu jrid jaffaċċja din il-problema tat-traffiku.
Muscat u Attard spjegaw li l-app bl-isem ta’ VJAĠĠ tieħu informazzjoni dwar il-vjaġġ li tagħmel persuna u żżomm din l-informazzjoni fl-Università ta’ Malta.
Muscat saħaq li t-trasport jirrikjedi li wieħed jifhem eżatt dak li hemm bżonn. Żied jgħid li għalhekk, jekk wieħed jifhem ix-xejra ta’ fejn in-nies imorru, kif imorru, u fi xħin iridu jaslu, ikun ħafna aktar faċli biex is-servizzi tat-trasport jistgħu jiġu offruti skont il-bżonnijiet tagħhom.
Maria Attard qalet li l-informazzjoni miġbura hija anonima. Saħqet li l-utent huwa dejjem fil-kontroll tal-informazzjoni li tiġi mibgħuta lill-Università.
Il-professuri temmew jgħidu li l-aktar ħaġa importanti dwar VJAĠĠ hija li l-informazzjoni hija miġbura l-ħin kollu bl-użu organiku tat-toroq minn nies.
Biex tniżżel VJAĠĠ, agħfas hawn.