“Bil-lingwi niskopru d-dinja”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu jniedu kompetizzjoni li tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi 2020

Ritratt: Charles Zammit/ DOI

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu nedew kompetizzjoni li tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi 2020.

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tal-lingwi barranin fid-dinja moderna tal-lum.

Dr Bonnici qal li, “Il-Kunsill tal-Ewropa jorganizza l-Jum Ewropew tal-Lingwi biex jiċċelebra d-diversità lingwistika. Dan il-jum ilu jiġi ċċelebrat fis-26 ta’ Settembru mill-2001. Il-motto ta’ din is-sena huwa: Bil-lingwi niskopru d-dinja. Aħna bħala Maltin diġà għandna għalfejn inkunu kburin għaliex għandna lingwa differenti minn ħaddieħor, però xorta waħda nitgħallmu diversi lingwi oħrajn sa minn ċkunitna. Permezz tal-lingwi ssir komunikazzjoni bejn persuna u oħra u dan huwa s-sabiħ tagħhom u b’hekk inħoss il-ħtieġa li ġurnata bħal din għandha tiġi ċċelebrata b’mod xieraq.”

Il-familji Maltin u Għawdxin, iċ-ċentri ta’ Skolasajf u klabbs u skejjel oħrajn tas-sajf huma mistiedna jorganizzaw attivitajiet biex juru l-għarfien tagħhom tal-lingwi f’Malta u kull fejn ikunu.

Matul it-tnedija, is-Sur David Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, tkellem dwar l-impenn tal-Aġenzija biex tippromwovi l-lingwi barranin. “L-Aġenzija tħeġġeġ lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet komunikattivi mhux biss fil-lingwi mitkellma d-dar imma wkoll fil-lingwi barranin. Dawn iż-żminijiet diffiċli urewna kemm il-qari jista’ jkun mod tajjeb biex wieħed jiskopri ambjenti lil hinn minn dawk li jgħix fihom. Il-qari b’lingwi differenti jgħinna wkoll nesperjenzaw kulturi differenti.”

Dr Lara Ann Vella, ir-rappreżentanta nazzjonali tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, spjegat kif se ssir il-kompetizzjoni, ‘X’inti kapaċi tagħmel b’lingwa barranija?’. Din il-kompetizzjoni tħeġġeġ lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jesebixxu l-ħakma tagħhom tal-lingwi barranin.

Dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni jridu joħolqu filmat qasir li fih juru l-ħiliet komunikattivi tagħhom f’lingwa barranija.

Il-kompetizzjoni fiha 4 kategoriji skont l-età:

– Minn 3 snin sa 7;

– Minn 8 snin sa 11-il sena;

– Minn 12 sa 15-il sena;

– Minn 16 sa 18-il sena.

Se jintgħażlu tliet rebbieħa f’kull kategorija. Iċ-ċentri jew l-skejjel bl-ikbar ammont ta’ parteċipanti f’kull kategorija se jirċievu premju wkoll.

Il-filmat jista’ jintbagħat f’messaġġ privat lill-paġna uffiċjali ta’ Facebook, Il-Politika Lingwistika. Il-parteċipanti għandhom jinkludu isimhom, kunjomhom, l-età, iċ-ċentru/l-iskola u n-numru tat-telefown.

Għal iktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel fuq 25982130.