Bil-kameras u xorta jieħdu d-droga

Wara li diversi ġenituri lmentaw dwar siringi użati li ta’ kuljum jinstabu mormija ħdejn l-iskola Theresa Nuzzo fil-Marsa, il-Kunsill Lokali tal-Marsa wkoll ikkonferma li ta’ sikwit jirċievi rapporti dwar siringi fi Triq Balbi.
Iżda, bi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Kunsill Lokali tal-Marsa spjega li minkejja li diġà bdew jiġu installati kameras tas-sigurtà, “din is-soluzzjoni mhux se taħdem.”
Dan wara li Sor Antonia Bugeja, li tmexxi din l-iskola primarja, talbet li jkun hemm sorveljanza 24 siegħa kuljum biex jieqaf dan l-abbuż.
"Bil-kameras il-problema se timxi għal żona oħra" 
Minkejja dan, il-Kunsill Lokali insista li jekk iseħħ dan “il-problema dejjeb tiġi ‘shifted’ f’żona oħra fejn ma jkunx hemm kameras.”
Żied jgħid li l-Kunsill ma jistax jagħmel kamera f’kull rokna tal-lokalità.
"Il-problema tissolva meta ma jkunx hemm nies jieħdu d-droga"
Mistoqsi x’miżuri jittieħdu meta jkun hemm rapport, il-Kunsill qal li mill-ewwel jiġu infurmati l-Pulizija, iżda saħaq li din il-problema ma tistax tiġi solvuta, imma biss ikkontrollata.
“Il-problema tissolva meta ma jkunx hawn aktar nies jieħu d-droga,” qal il-Kunsill.
Newsbook.com.mt għadu qed jistenna tweġiba mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u anke mill-Pulizija dwar dan il-periklu.