Bil-Google Street View tara t-triq mil-lenti ta’ karozza biss

Il-Bicycling Advocacy Group ilmenta mill-fatt li l-Google Street View m’għandux l-għażla li tara t-triq mil-lenti ta’ persuna qed issuq rota.
Fi stqarrija, l-għaqda mhux governattiva li tħabrek biex tissalvagwardja d-drittijiet ta’ min ma jużax il-karozza bħala l-mezz ewlieni tiegħu ta’ trasport, qalet li bl-app ma tistax tara r-rotta tar-roti, iżda trid bilfors tieħu r-rotta tal-karozzi.
Dan ifisser li ma tkunx tista’ taċċessa toroq oħra li mhux bilfors jgħaddu l-karozzi minnhom, imma tista’ tgħaddi rota jew persuna. Mingħajr din l-għażla mhux qed jiġu kkunsidrati toroq one-way li jagħtu prijorità lil min ikun miexi.
Finalment, kieku jkun hemm l-għażla li tara dawn l-affarijiet, tkun tista’ tinnota fejn il-Gvern qed ikaxkar saqajh dwar x’hemm bżonn isir.
Minkejja dan, il-BAG faħħar l-app u ddeskrivieh bħala “inkredibbli”, minħabba li jista’ jintuża bħala għodda biex l-iżviluppaturi jkunu skrutinizzati.
Semmew kif din l-għodda qed tintuża minn gruppi bħalhom madwar di-dinja.