‘Bil-flus li qed jinsterqu konna ngħinu lill-ħaddiema’ – Delia

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li bil-flus li qed jinsterqu mill-power station kienu jgħinu lill-ħaddiema u l-familji tagħhom. Huwa spjega kif dawn il-flus setgħu ntużaw biex jingħata appoġġ lill-ħaddiema żgħażagħ li mhux qed ilaħħqu mal-kirijiet għoljin, kien jingħata saqaf lit-3,200 li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jgħinu 70,000 persuna joħorġu mill-faqar finanzjarju.

Delia kien qed jindirizza l-għeluq tal-konferenza l-Valur tal-Paga Tiegħek organizzata mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).

Huwa beda billi spjega kif il-Gvern kien qed jisraq mill-power station il-ġdida u mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi ftaħar li din kienet ‘best practice’. Huwa kompla jsostni li din kienet garanzija minn naħa tal-Gvern li se jkompli jisraqna filwaqt li l-ħaddiem jieħu biss €2.33 fil-ġimgħa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li n-nies u l-ħaddiema huma prijorità fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit. Huwa kompla billi kkuntrasta dan ma’ Muscat li fi kliemu huwa jkejjel biss bin-numri u t-tkabbir tal-popolazzjoni u l-ekonomija. Sostna li l-kejl ta’ Muscat ma jurix jekk in-nies hux qed jgħixu aħjar.

‘Iż-żieda fin-numru tal-ħaddiema barranin qed twassal biex iċ-cheap labour jerġa’ jgħolli rasu’

Delia saħaq dwar il-bżonn ta’ pjan fit-tul jekk il-Gvern beħsieħbu jkompli jġib 15,000 ħaddiem barrani kull sena. Huwa spjega li din iż-żieda qawwija bla pjan se jwassal biex iċ- cheap labour jerġa’ jgħolli rasu. Huwa wissa li l-pagi qed jibqgħu baxxi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema jitnaqqru u ma jiżdiedux kif jixraq. Delia wissa li l-unjins li jirrappreżentawhom jispiċċaw jiddgħajfu meta jirrappreżentaw u jinnegozjaw f’isem il-ħaddiema.