Bil-biljuni investiti fi proġetti korrotti stajna ffinanzjajna BBC għal Malta – iben Daphne

DCG Matthew Caruana Galizia
Matthew Caruana Galizia / Facebook

F’jum għeluq snin ommu, Matthew Caruana Galizia ħalla messaġġ lill-poplu Malti fejn spjega li bil-biljuni li tpoġġew fi proġetti korrotti, Malta setgħet tiffinanzja mhux biss Xarabank iżda l-BBC.

Permezz ta’ post fuq Facebook, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal li l-problemi f’Malta ma jispiċċawx, ma’ kull skandlu ġdid li jitfaċċa minn jum għall-ieħor.

Hu semma b’mod partikolari l-iskandli relatati ma’ kuntratti multi-biljunarji li insista ġejjin mill-korruzzjoni: il-bejgħ tal-passaporti, il-bejgħ tal-isptarijiet, u l-proġett tal-Electrogas.

Insista li kieku l-korruzzjoni madwar dawn il-proġetti ma kinitx hemm, il-pajjiż mhux biss kien ikun jiflaħ jiffinanzja programm bħal Xarabank, iżda kien ikun kapaċi jiffinanzja stazzjon bħal ma hu l-BBC għal Malta. Qal li dan l-istazzjoni seta’ jintuża biex jospita u jeduka mhux biss kull ċittadin fil-pajjiż, iżda wkoll kull immigrant.

Irrimarka li billi jiġu eliminati dawn il-ftehimiet, fil-pajjiż ikun hawn il-ġustizzja. Appella sabiex kulħadd jibqa’ ffukat.

Propju llum, il-ġurnalista kieku kienet tgħalaq 56 sena. Hi nqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Fi ftit ġimgħat oħra, il-ġurnalista tkun għalqet tliet snin mejta.