“Bikkewna, ixxukkjawna jew imlewna bit-tama – stejjer mill-2018”

L-2018 bħal kull sena oħra kienet sena mimlija stejjer, xi wħud bikkewna, oħrajn ixxukkjawna u oħrajn ħallewlna togħma ħelwa għal futur aħjar. Newsbook.com.mt qed jagħti titwila lejn 9 stejjer li ġew ippubblikati matul din is-sena.

Fi Frar: il-vjaġġ tal-Arċisqof sabiex jinvestiga l-abbuż sesswali mill-kleru fiċ-Ċilì

© iglesia.cl

Newsbook.com.mt segwa u rrapporti mill-qrib kemm il-vjaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna fiċ-Ċilì u anke kif żviluppa l-każ wara r-rapport dettaljat tiegħu matul is-sena kollha. L-Arċisqof Charles Scicluna kien iltaqa’ mal-ewwel vittma tal-abbużi sesswali fiċ-Ċilì, Juan Carloz Cruz, fi Frar li għadda u dam madwar 4 sigħat jitkellem miegħu.

F’Mejju: storja esklussiva dwar l-eks Ministru Anton Refalo li jrid ikompli jibni f’ODZ

F’Mejju Newsbook.com.mt rrapporta kif mart iċ-Ċerpersin ta’ Heritage Malta u eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo applikat biex tibni lukanda b’sebat ikmamar fuq art ODZ fil-Qala. Bejn l-1998 u llum, medda art f’Tal-Malvi, limiti tal-Qala, inbidlet għal kollox. Minn art rurali bi struttura modesta aktarx b’rabta agrikola, l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa qed tixtarr applikazzjoni għal lukanda.

F’Lulju: L-Arċisqof u ż-żgħażagħ b’pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna siefer ma’ grupp ta’ 28 żgħażagħ li għandhom bejn 15 u 30 sena għal pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Matul il-pellegrinaġġ huma żaru Nazaret, Betlem u Ġerusalemm. Matul il-pellegrinaġġ, Newsbook.com.mt xandar serje ta’ vloggs mill-Arċisqof u ż-żagħżagħ waqt dan il-pellegrinaġġ.

F’Awwissu: Storja esklussiva dwar li lukanda fid-Dwejra kienet l-unika proposta għas-sejħa tal-PM

Fi storja esklussiva, Newsbook.com.mt  kien tkellem dwar kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet proposta waħda għas-sejħa internazzjonali li saret bejn Settembru tal-2017 u Jannar ta’ din is-sena. Din il-proposta, li potenzjalment toħloq monopolju, saret minn żviluppatur Għawdxi bl-intenzjoni aħħarija li tinbena lukanda f’barriera li tinsab viċin id-Dwejra.

F’Settembru: Storja esklussiva bi provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent

Storja esklussiva ta’ Newsbook.com.mt żvelat li l-ħelikopter li jintuża bħala ambulanza tal-ajru mill-kumpanija Steward Healthcare li jmexxu l-Isptar ta’ Għawdex ma kienx lest biex jieħu l-pazjent b’attakk ta’ qalb minn Għawdex lejn Malta kif riedu t-tobba. Il-pazjent tilef ħajtu aktar tard mal-ġurnata. Xi jiem wara, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li ħatar inkjesta dwar il-każ.

F’Settembru: Nitkellmu ma’ raġel li għamel żmien jgħix fit-triq

Newsbook.com.mt kien irrapporta l-istorja ta’ Mark li għamel erba’ snin jgħix fit-triq. Hu kien ġie intervistat fuq RTK minn Sylvana Debono. Kien sosnta li “jekk issib lil xi ħadd rieqed barra d-dar tiegħek, iċċempilx lill-pulizija għax jiġbruh u jitfgħuh Mount Carmel u jkissruh aktar. Minflok, offrilu kafè u itolbu jersaq bil-kelma t-tajba. Meta tkellmu bilmod tkun qisek tajtu €3 miljun. Jitlaq waħdu, serraħ rasek.”

F’Settembru: Joħroġ li persuna nġabet b’business jet privat biex tivvota favur id-db Group

Membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienet fost l-10 li vvutaw favur il-proġett tal-Grupp db fuq is-sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, waslet Malta fuq business jet. Dan qaluh ma’ Newsbook.com.mt sorsi ta’ min jorbot fuqhom. Dawn spjegaw li Jacqueline Gili, li hija Direttriċi fid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-Ministeru għall-Finanzi, kienet fuq btala f’Katanja. L-istorja ta’ Newsbook.com.mt kienet qanqlet lill-Ombudsman sabiex jinvestiga l-każ.

F’Novembru: Intervista ma’ Maltija li wasslet għal trattament ġdid tal-kanċer

Newsbook.com.mt intervista mara Maltija li hi fost l-ewwel xjentisti li bix-xogħol esperimentali tagħhom ta’ madwar 20 sena, wasslu għal trattament ġdid tal-kanċer. Dan kif jixhdu r-riżultat tal-provi riċenti, li saru minn professjonisti fil-qasam tal-immunoterapija. Dr Joanna Black (imwielda Galea-Lauri) mexxiet grupp ta’ riċerkaturi bejn Marzu 1995 u Ottubru 2004 b’idea dwar il-possibilità li l-kanċer ikunu indirizzat bis-sistema immunitarja stess tal-pazjent.

F’Diċembru: Esposta ferneżija ta’ rimi illegali f’Ta’ Qali

Newsbook.com.mt kien irrapporta kif f’Ta’ Qali, ftit metri l-bogħod minn fejn eluf ta’ familji nhar ta’ Ħadd jirrekrejaw ruħhom u jagħmlu picnic, hemm medda art, madwar 10,000m kwadru, madwar għaxart itmien, li intradmu kompletament minn għexieren ta’ tunellati ta’ skart tal-kostruzzjoni. Din l-art, li fis-snin disgħin kienet ingħatat lil Southern Concrete Ltd u li ma kinitx fl-aħjar tagħha, xorta ma kinitx il-ħerba bla rażan li hi llum. Ir-ritratt minn Google Maps, mehud fil-31 ta’ Jannar ta’ din is-sena, juri kif kienet l-art sa ftit xhur ilu. Illum desert ta’ radam. L-artiklu ta’ Newsbook.com.mt wassal sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar tagħlaq is-sit.