Biex tixxabbat mal-Muntanja Everest se jkollok tħallas €31,000

Il-Gvern tan-Nepal se jaċċetta pjan biex dawk li jridu jixxabbtu mal-Muntanja Everest ikollhom jaċċettaw bosta regolamenti ġodda. Fost dawn se jkun hemm il-ħlas ta’ €31,000.

Ir-regolamenti se jistipulaw ukoll li dawk li japplikaw biex jippruvaw jitilgħu fuq il-quċċata tal-muntanja l-ewwel iridu juru li huma xabbaturi ta’ esperjenza u li jkunu xxabbtu ma’ muntanja fin-Nepal li hija għolja mill-anqas 6,500 metru. Iridu juru wkoll ċertifikat li huma f’saħħithom għal kollox u li se jimpjegaw magħhom gwidi b’esperjenza fil-muntanji.

Din is-sena l-Muntanja Everest kienet ċimiterju għal disa’ xabbaturi  fuq in-naħa tan-Nepal u tnejn oħra fuq in-naħa tat-Tibet. Kien hemm oħrajn li ħadd ma jaf x’sar minnhom.

Ir-regolamenti jipproponu wkoll li min irid ikun jixxabbat ma’ muntanji li huma aktar għolja minn 8,000 metru dawn iħallsu mat-€22,000.

Yogesh Bhattari, il-Ministru tat-Turiżmu tan-Nepal, qal li jridu jwettqu malajr dawn ir-regolamenti biex lill-muntanji f’pajjiżhom jagħmluhom mingħajr periklu, immaniġġjati tajjeb u dinjitużi.

In-Nepal fih tmienja mill-aktar 14-il muntanja għolja fid-dinja u d-dħul minn xabbaturi minn pajjiżi oħra jfisser dħul sostanzjali fil-pajjiż li mhux ta’ min jitilfu.

Bħalissa min irid jixxabbat mal-Muntanja Everest kellu jħallas mat-€13,000. Għalhekk din il-qabża fil-prezz mistennija li ġġib kritika kbira kemm minn xabbaturi ta’ esperjenza kif ukoll mill-gwidi. Din il-sena diġà ħarġu 381 permess għall-Everest li huwa l-akbar numru li qatt ħareġ.