Biex persuni bl-awtiżmu jiġu inklużi aktar fil-parroċċi…

Għadd ta’ katekisti pproponew metodoloġiji inklussivi li jistgħu jintużaw fil-parroċċi, bil-għan li jkun hemm iktar inklużjoni tal-persuni bl-awtiżmu fil-laqgħat tal-katekiżmu u fil-quddiesa.
F’seminar organizzat mid-Djoċesi ta’ Malta fl-okkażjoni ta’ Jum l-Awtiżmu, saret enfasi dwar it-tema tad-diżabilità, permezz ta’ ħidma formattiva teoretika fl-aspetti ekkleżjali, spiritwali u xjentifiċi.
Il-kelliema kienu jinkludu lil Sr Veronica Amata Donatello, Fiorenza Pestelli u Maria Grazia Fiore, ilkoll attivi fil-qasam tal-persuni b’diżabilità.
Sr Veronica, responsabbli mill-Uffiċċju Kateketiku tal-Konferenza Episkopali Taljana u bint ġenituri nieqsa mis-smigħ u oħt persuna b’diżabilità intellettwali, tat eżempji ta’ kif ħafna persuni b’diżabilità jħossuhom esklużi mill-parteċipazzjoni attiva fil-komunitajiet parrokkjali. Dan minħabba attitudnijiet negattivi u x’jista’ jsir biex dawn iħossuhom verament inklużi.
Ikkwotat għadd ta’ dokumenti tal-Knisja, li jħeġġu l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità biex jingħeleb il-preġudizzju soċjali kontrihom.
Fiorenza Pestelli, għalliema tar-reliġjon, tkellmet dwar id-dimensjoni spiritwali tal-persuna b’diżabilità li tistiednek tirrifletti fuq il-ħarsa ta’ Alla lejn il-bniedem li tħares ‘il bogħod mil-limiti.  
Min-naħa tagħha, Maria Grazia Fiore, omm ta’ żewġt itfal bl-awtiżmu u  esperta fil-komunikazzjoni, tkellmet dwar it-tipi ġodda ta’ komunikazzjoni u lingwaġġ li jistgħu jintużaw speċjalment ma’ dawk il-persuni bl-awtiżmu.
Is-seminar kien organizzat mis-Segretarjat tal-Katekeżi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, bl-appoġġ tad-Dar tal-Providenza u l-Uffiċċju Kateketiku tal-Konferenza Episkopali Taljana.