Biex noqorbu lejn Alla rridu noqorbu lejn xulxin – Il-Papa lill-Knejjes differenti

Illejla l-Papa Franġisku kkonkluda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, waqt Għasar solenni fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuor le Mura fl-okkażjoni tal-festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu San Pawl.
Preżenti għat-talba tal-Għasar kien hemm rappreżentanti minn Knejjes differenti u diversi kommunitajiet Ekkleżjastiċi.
Waqt il-ħsieb tiegħu, il-Papa qal li Ġesù ma kellux problema jieqaf, jitkellem u jitlob lill-mara s-Samaritana biex tagħtih x’jixrob. Qal li din il-laqgħa ta’ Ġesù mas-Samaritana tgħallimna li meta “niltaqgħu ma' min hu differenti, nistgħu nikbru.”
Żied li l-eżempju ta’ Ġesù għandu jinkoraġixxi lill-Insara biex ifittxu jiltaqgħu ma’ xulxin anke jekk ġejjin minn Knejjes differenti. “Biex nifhmu lil xulxin, u nikbru fil-karità u l-verità, jeħtieġ li niefqu, naċċettaw u nisimgħu lil xulxin. Hekk inkunu diġà qed nesperjenzaw l-unità.”
Il-Papa Franġisku qal ukoll li l-Insara jeħtieġu lil xulxin biex jifhmu l-misteru t’Alla. Żied li kollox irid isir taħt “it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu li jarmonizza d-differenzi u jegħleb il-kunflitti.”
Spjega li l-misteru tal-imħabba huwa dak li jgħaqqad lill-Insara kollha flimkien għax hu akbar mid-differenzi storiċi. “Biex noqorbu lejn Alla, iridu allura noqorbu lejn xulxin.”