“Biex nipproteġu l-wirt kulturali rridu nissalvagwardjaw ukoll is-snajja” – Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iżur ix-xogħlijiet ta’ restawr ta’ studenti tal-MCAST fuq kappella fil-Gudja

Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Kappella Santa Katerina fil-Gudja. Dan ix-xogħol qed isir minn studenti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) li jattendu għall-korsijiet fit-tiswija tal-bini storiku.

Il-Ministru Owen Bonnici għamel nota li dawn l-istudenti qed jaħdmu fuq ir-restawr ta’ diversi siti madwar Malta, u propju waħda minnhom hija l-Kappella ta’ Santa Katerina fil-Gudja. Huwa qal, “Jekk irridu nkomplu nippreservaw il-wirt kulturali tagħna permezz tar-restawr ta’ siti storiċi, jeħtieġ ukoll li niżguraw li għandna persuni tas-sengħa biex jagħmlu dan ix-xogħol tant importanti. Biex nipproteġu l-wirt kulturali rridu nissalvagwardjaw ukoll is-snajja u naraw li ż-żgħażagħ ngħinuhom jiżviluppaw dawn il-ħiliet.”

Dr Bonnici żied jgħid, “Huwa għalhekk li se nkomplu ninvestu f’edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità. L-edukazzjoni għandha rwol importanti biex inwasslu informazzjoni dwar l-importanza tal-preservazzjoni tas-siti kulturali. Dan sabiex ikunu jistgħu igawduhom filwaqt li jitgħallmu dwarhom uliedna u ulied uliedna. Ninkoraġġixxi lil kull persuna li hija interessata f’dan l-istudju, għaliex hija linja ta’ sodisfazzjon kbir li twasslek għal karriera sodisfaċenti immens.”

Ritratt: Owen Camilleri / DOI

Il-Prinċipal tal-MCAST u s-CEO Joachim James Calleja qal, “Il-korsijiet vokazzjonali joffru lill-istudenti l-opportunità li jiksbu ħiliet kemm prattiċi kif ukoll teoretiċi. Id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni fi ħdan l-Istitut għall-Inġinerija u t-Trasport joffri korsijiet li jippermettu lill-istudenti jibdew karriera fit-tiswija tal-bini storiku. Il-letturi jiggwidaw lill-istudenti tagħna biex jipparteċipaw f’interventi ta’ restawr. Il-proġetti li saru jinkludu xogħol ta’ tiswija fil-Kappella ta’ San Filippu fl-Isla, il-Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat u l-istazzjon f’Birkirkara. Il-proġetti ta’ din is-sena jinkludu wkoll ir-restawr ta’ niċeċ ikoniċi f’diversi rħula u kollaborazzjoni mal-parroċċi u l-kunsilli lokali. F’dawn il-korsijiet, l-istudenti jiksbu ħiliet fil-manutenzjoni, protezzjoni u preservazzjoni, kif ukoll proċeduri ta’ tindif u ta’ ttestjar.”

Il-Ministru Bonnici spjega kif l-MCAST joffri korsijiet fil-ħiliet tal-kostruzzjoni u r-restawr f’livelli differenti biex iż-żgħażagħ jitħarrġu fil-manutenzjoni, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ siti kulturali. Wieħed mill-proġetti li għaddejjin bħalissa huwa r-restawr tal-Kappella ta’ Santa Katerina fil-Gudja, li nbniet fl-1631. Il-kappella preżenti ssostitwiet waħda antika li nbniet fl-1562.

L-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST joffri aktar minn ħamsin kors. Il-korsijiet fit-tiswija ta’ bini storiku fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni jwasslu għad-Diploma ta’ Kapumastru fil-ħames livell. It-taħriġ prattiku jsir fil-workshops tal-Kulleġġ u f’siti kulturali.

L-MCAST se jkun qed jiftaħ it-tieni sejħa ta’ applikazzjonijiet għal korsijiet li jibdew f’Ottubru mis-7 sal-11 ta’ Settembru.

Ritratt: Kian Bugeja / DOI

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.