Biex niftħu r-restoranti se nerġgħu nipperikolaw l-ambjent – Appelgren

Il-kandidata għal MEP fl-elezzjonijiet tal-2019 Camilla Appelgren sostniet li l-ftuħ tar-restoranti minn nhar il-Ġimgħa se jerġa’ jibda jipperikola l-ambjent.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Appelgren spjegat li f’Awwissu tal-2018 kien hawn għajta nazzjonali biex ikun eradikat l-użu ta’ plastik tat-tip li jintuża’ darba u tarmih. Qalet li dan kien seħħ wara li fekruna kienet ittellgħet mill-baħar mejta u wara nstab li kellha l-istonku tagħha mimli plastik.

Semmiet kif l-għajta f’April li għadda kienet dik li ma nistgħux immorru lura għan-normal, għax il-ħajja hekk imsejħa “normali” ma kinitx qed taħdem. Irrimarkat li issa, f’Mejju tal-2020, il-pubbliku qed jintbagħat jiekol fir-restoranti meta dawn qed ikunu sfurzati jerġgħu jibdew jagħmlu użu minn oġġetti tal-plastik li jridu jintremew wara li jintużaw minn persuna waħda.

August 2018: A nation’s outcry against single use plastic when a turtle was airlifted dead from the sea with its stomach…

Posted by Cami Appelgren on Tuesday, May 19, 2020

Appelgren insistiet li aġir tat-tip se jkompli jagħmel ħsara qawwijja lill-ambjent u se jkompli jwassal għal aktar pandemiji. Insistiet li n-natura iżda se tkompli tipprova tagħti l-lezzjonijiet lill-bnedmin. Irrimarkat li n-natura dejjem se tirbaħ, iżda il-bniedem le. B’hekk jekk il-bniedem ikompli jagħmel il-ħsara lin-natura, ikun qed jagħmel il-ħsara lilu nniffsu fil-proċess ta’ dan.

Hi tat il-parir tagħha lir-restoranti sabiex minflok jużaw menu ġdid għal kull persuna, ipoġġu menu taħt ħġieġa li tgħatti l-wiċċ tal-mejda. Qalet li l-unika post fejn wieħed għandu jippermetti l-użu ta’ darba ta’ oġġetti huwa fejn jidħlu l-isptarijiet u l-kura. Irrimarkat li jekk il-pajjiż kollu jibda jerġa’ jagħmel użu minn prodotti hekk magħrufa “disposable” mela se r-riżultat finali ma tantx se jkun wieħed pjaċevoli.

It-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, tax-xagħar, tad-dwiefer u l-beauticians, jista’ jsir sport barra u taħriġ sa gruppi ta’ sitt persuni u jistgħu jintwerew films fil-miftuħ, fost l-oħrajn.

Intant, fl-aħħar jiem, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet għadd ta’ regolamenti li l-ħaddiema fir-ristoranti jridu jsegwu issa li dawn se jiftħu nhar il-Ġimgħa li ġej, qalb il-pandemija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn