Biex ma jkunx kuntent l-Isqof Teuma?

“Grazzi ħafna tax-xogħol li qed tagħmlu”. Dan kien il-kumment ta’ Dun Anton Teuma, l-Isqof ta’ Għawdex meta ltaqa’ mal-impjegati ta’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart waqt żjara li għamel il-Ġimgħa filgħodu.

Huwa ħa sehem fil-103 Morning Show fuq 103 Malta’s Heart fejn, fost ħwejjeġ oħra tkellem dwar xi ħaġa li huwa żgur ma jkunx kuntent biha jekk jagħmilha t-tim favorit tiegħu, il-Juventus (aqra iktar ‘l isfel).

L-Isqof Anton Teuma ma’ Fr Joe Borg fl-istudios ta’ 103 Malta’s Heart / Ritratt: Miguela Xuereb

“Twassal l-imħabba ta’ Alla”

Dun Anton li saq il-karrozza tiegħu, kien liebes b’mod każwali ħafna, jeans, qmis u runners suwed. Jakkumpanjawh kien hemm kemm qassisin kif ukoll lajċi li jaħdmu miegħu.

L-ewwel impenn ta’ Dun Anton kien li jieħu sehem fil-programm ġdid The 103 Morning Show.

L-Isqof Anton Teuma jsuq il-karozza tiegħu / Ritratt: Miguela Xuereb

Kif kien dan l-ewwel żmien tiegħek bħala isqof? staqsa Arthur Caruana l-preżentatur tax-Show u Channel Manager.

“Għalija dan iż-żmien kemm ili isqof kien pożittiv għax li tipprova twassal l-imħabba ta’ Alla lil kulħadd hija ħaġa pożittiva. Se tiltaqa’ wkoll ma’ ħafna problemi għax hemmhekk ikun hemm bżonn l-aktar li twassal l-imħabba ta’ Alla.”

L-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex jingħata merħba mill-impjegati ta’ Beacon Media Group / Ritratt: Miguela Xuereb

Is-sitwazzjoni ta’ Covid-19 kif laqtitek? Staqsa Jes Saliba, il-ġurnalist residenti tal-programm

“Għalija personali din is-sitwazzjoni tal-Covid-19 ġabitni aktar konxju mil-limitazzjoni tiegħi bħala persuna. Dawk il-ġesti li qabel fis-soċjetà kienu jfissru sapport, imħabba u kuntatt issa saru sors ta’ periklu. Kważi kważi rridu nsibu simboloġija ġdida kif nikkomunikaw u nieħdu ħsieb xulxin.

Din hija okkażjoni li ġiegħlitna napprezzaw aktar il-bżonn ta’ xulxin u ta’ kull persuna. Importanti li noqogħdu attenti għall-ħtiġijiet ta’ kull persuna li jkollna quddiemna bil-bżonnijiet tagħna. Din il-ħaġa twaqqafna milli nieħdu l-persuni for granted.

L-Isqof Teuma jintlaqa’ mit-tim ta’ preżentaturi tal-103 Morning Show / Ritratt: Miguela Xuereb

Ħajtu nbidlet?

Kif inbidlet il-ħajja tiegħek? Staqsa Ian Busuttil Naudi, wieħed mit-tim tal-preżentaturi

Sa issa għadha ma nbidlitx ħafna. Ir-ritmu tiegħi tax-xogħol kien jibda fil-5.30am u nibqa’ sejjer sal 11pm. Għadni b’dan ir-ritmu għalkemm issa l-ħajja mgħaġġla. Qed insibha bi tqila li nagħmel jogging kif kont qabel u allura issa llimitajt ruħi għat-treadmill xi tliet darbiet fil-ġimgħa. L-eżerċizzju importanti u waqt li nkun niġri nagħmel kollox: nitlob, nirrabja, nipprepara omelija. Inħossni aktar liberu.

Miguela Xuereb

Għoġobni l-messaġġ li tajt lill-edukaturi. Ghandek xi messaġġ ieħor? Staqsiet Angele Galea, preżentatriċi oħra tal-programm.

Verament inħoss ħafna l-importanza u d-delikatezza tal-edukazzjoni. Inħossha importanti ħafna għax mhix kwistjoni kemm se ngħaddu kontenut. Irridu noqogħdu aktar attenti għall-kontenitur (il-persuna) milli għall-kontenut. Meta kont responsabbli tas-seminarju dejjem insistejt fuq dan. Sfortunatament ċerti policies ikunu aktar adattati għall-kontenut milli għall-persuni.

Ma setax ma jkunx hemm kummenti dwar il-Juventus, aktar u aktar li Arthur Caruana huwa Juventin. L-Isqof Teuma kien preżentat b’mod fiżiku bil-gear tal-Juventus li kien diġà ngħata lilu virtwalment mill-Klabb tal-Juventus f’Malta waqt intervista fuq 103 lejliet l-ordinazzjoni episkopali tiegħu.

X’taħseb dwar l-akkwisti tal-Juventus? staqsa Arthur Caruana.

Ma nafx x’jgħidu l-Juventini iżda jekk jakkwistaw lil Suarez ma tantx inkun kuntent bih, qal Dun Anton bi tbissima.

Dun Anton Teuma fl-istudios ta’ 103 waqt xi battuta dwar il-Juventus / Ritratt: Miguela Xuereb

Ara l-intervista sħiħa hawn:

Apprezzament għax-xogħol tal-media tal-Knisja

Wara l-programm huwa kellu diskussjoni fit-tul ma’ Fr Joe Borg, Chairman tal-Bord Editorjali kif ukoll ma’ Sylvana Debono, Editor in Chief, dwar ix-xogħol li jsir kemm fuq Newsbook.com.mt kif ukoll fuq 103 Malta’s Heart. L-Isqof Teuma wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li qed isir mill-media tal-Knisja.

Fr Borg spjega kif qed jikber Newsbook.com.mt u l-iskeda l-ġdida u innovattiva ħafna li ġiet imfassla għal 103 Malta’s Heart.

Int kif tiddeskrivi lill-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex?

Ikkummenta hawn taħt jew ibgħat imejl fuq info@newsbook.com.mt