Biex jinfetħu l-iskejjel iridu jagħlqu l-pubs u attivitajiet oħra – xjentist Ingliż

Xjentist Ingliż qal li biex l-iskejjel fl-Ingilterra jerġgħu jiftħu mix-xahar id-dieħel iridu jingħalqu l-pubs u “attivitajiet oħrajn”. Prof Graham Medley huwa konsulent tal-gvern Ingliż. Hu qal mal-BBC li hemm bżonn li l-pubs u attivitajiet oħrajn ikunu sagrifikati għax il-ftuħ tal-iskejjel huwa ta’ prijorità akbar għall-benessri tat-tfal.

Dan il-messaġġ ta’ Medley ġie wara li l-Kap Uffiċjal Mediku Ingliż qal li l-pajjiż kien wasal viċin il-limitu ta’ x’jista’ jagħmel biex jiftaħ is-soċjetà mill-ġdid. Il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li għalissa l-pajjiż kien se jieqaf itaffi l-miżuri b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus.

Johnson qal li l-miżuri li kellhom jidħlu fis-seħħ minn dan il-weekend se jkunu qed jiġu posposti minn tal-inqas għal ġimgħatejn. Dan ifisser li l-casinos, bowling alleys, skating rinks u servizzi oħrajn ta’ “close-contact”, kif ukoll ir-ritorn ta’ prestazzjonijiet fuq ġewwa u gruppi tal-massa f’konferenzi u avvenimenti tal-isport, se jkollhom jistennew aktar żmien jgħaddi qabel ma jerġgħu jibdew joffru s-servizzi tagħhom.

Intant, twaqqaf ukoll il-permess li t-tiġijiet jippermettu grupp sa massimu ta’ 30 persuna.

Prof. Chris Whitty wissa li n-nazzjon Ingliż kien wisq probabbli wasal viċin il-limitu ta’ x’jista’ jagħmel biex is-soċjetà tinfetaħ mill-ġdid. Dan ifisser li jaf hemm bżonn li jsiru trade-offs biex l-istudenti jkunu verament jistgħu jmorru lura l-iskola mix-xahar id-dieħel.