‘Biex jiftħu l-iskejjel irid jonqos l-R-factor’ – ISA

Aġġornat 08:37 PM

L-Assoċjazzjoni għall-Iskejjel Indipendenti qed tappella lill-awtoritajiet biex jippubblikaw il-linji gwida tal-iskejjel għall-COVID-19 mill-iktar fis. Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li ż-żmien qed jgħafas hekk kif l-iskejjel f’Malta waslu biex jiftħu u jeħtieġ li jkun hemm preparazzjoni effettiva għas-sena skolastika li jmiss minħabba l-virus.

Hija qalet li l-iskejjel indipendenti f’Malta ilhom jippreparaw mill-aħħar ta’ Lulju u bdew jimplimentaw protokolli li ħejjew, madanakollu issa jinsabu xettiċi jekk dawn il-preparamenti humiex biżżejjed hekk kif reġa’ hawn żieda sostanzjali fil-każijiet attivi.

L-Assoċjazzjoni emfasizzat li hemm bżonn li l-R-Factor jonqosdrastikament fil-ġimgħat li ġejjin jekk irridu li jinfetħu l-iskejjel.

L-MUT mhux ser tħalli lill-Ministeru jgħaddi romblu minn fuq l-edukaturi 

Sadanittant, hekk kif il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-linji gwida għall-iskejjel minħabba l-pandemija tal-COVID-19 se jkunu ppubblikati sa nhar il-Ġimgħa li ġej, il-unjin tal-għalliema (MUT) qalet li mhux ser tħalli lill-Ministeru jgħaddi romblu minn fuq l-edukaturi.

Fi stqarrija MUT qalet li wara li talbet li l-Gvern joħroġ il-protokolli sabiex kulħadd ikun preparat sew dwar kull xenarju possibli rigward il-ftuħ tas-sena skolastika, jidher li f’daqqa waħda l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irid iħaffef iI-proċess u joħroġ il-protokolli nhar il-Ġimgħa li ġej. L-MUT kellha laqgħa ilbieraħ dwar is-sitwazzjoni u qalet li fl-ebda ħin ma rat jew ma ssemma li l-protokolli se jiġu ppublikati nhar il-Ġimgħa, jiġifieri fi ftit jiem wara li tibda d-diskussjoni. 

L-MUT qalet li li s’issa għadha lanqas taf liema xenarju se jintuża’ jew x’ser ikun fihom dawn il-protokolli, u sostniet li ma jistax ikun li dawn jinħarġu mingħajr ma jkun hemm l-input tal-edukaturi u huwa ċar li dan mhux ser ikun possibli jekk il-Ministeru jippublika linji gwida mil-lum għal għada. Biss biss għadu lanqas ġie deċiż il-mod ta’ kif ser isir it-tagħlim matul is-sena skolastika.

L-MUT, bħala r-rappreżentant ewlieni tal-edukaturi kollha, għaddejja bil-proċessi tagħha fejn qed tikkonsulta ma’ kulħadd, inkluż mal-membri u mas-setturi tal-Knisja u independenti. Dan sabiex ikun assigurat li l-leħen tal-edukaturi jiġi kkunsidrat f’kull stadju. 

L-MUT temmet tgħid li qed tiddikjara minn issa li mhix lesta li tiddiskuti b’ħafna għaġla dawn il-protokolli speċjalment jekk id-deċiżjonijiet diġà ttieħdu u lesta li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tħares l-interessi u s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi u l-istudenti. 

‘L-inkompetenza tal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed twassal għal inċertezza kbira u paniku dwar il-ftuħ tal-iskejjel’ – PN

B’reazzjoni għal dan kollu l-Partit Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li ftit ġimgħat biss qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-Gvern għadu ma’ lestiex il-protokolli meħtieġa u għadu mhux ippreparat biex jagħti linji gwida serji lit-tmexxija tal-iskejjel, lill-għalliema u lill-ġenituri dwar kif se jimxu l-affarijiet waqt il-perjodu ta’ pandemija.

Fi stqarrija l-PN qal li b’din l-inkompetenza, il-Gvern qed jilgħab mal-edukazzjoni ta’ uliedna u ma’ saħħet it-tfal u l-professjonisti tagħna. Sostna li l-Ministeru tal-Edukazzjoni mhux joffri serħan il-moħħ dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru li ġej hekk kif għadu ma’ kkonsultax mal-ġenituri, t-tmexxija tal-iskejjel, l-għalliema u l-unjins tagħhom. Dawn kollha qed jilmentaw li għadhom fil-għama dwar x’ se jiġri hekk kif jonqos biss xahar biex jiftħu l-iskejjel.

Imxi b’maturita fuq is-suġġett tal-edukazzjoni – Il-Gvern lill-PN

Intant, il-Gvern Malti sostna li l-poplu Malti u Għawdxi jrid pajjiż li jiġbed ħabel wieħed u jwarrab fil-ġenb il-politika partiġġjana fid-diskussjoni dwar il-ftuħ għall-istituzzjonijiet edukattivi b’seħħ mit-28 ta’ Settembru. B’hekk appella lill-Oppożizzjoni biex timxi b’maturità fuq suġġett tant sensittiv u delikat bħalma hi l-edukazzjoni.

“Huwa importanti ħafna li t-tfal ikollhom aċċess għall-aqwa edukazzjoni possibbli, fl-istess waqt li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġu protetti u ssalvagwardjati kemm huma, kif ukoll l-edukaturi tagħna,” qal il-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Sostna li bħalma għamel meta nfetħu ċ-childcare centres kollha u Skolasajf, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ilu jaħdem fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel minn April li għadda u żamm, u se jkompli jżomm, konsultazzjonijiet frekwenti u regolari mal-istakeholders kollha.