Il-MAM tissospendi l-azzjonijiet industrijali wara li tħabbru l-miżuri

Miguela Xuereb

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan qal li l-miżuri li ħabbar id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dalgħodu biex tiġi kontrollata l-imxija tal-COVID-19 f’Malta mhumiex bogħod minn dawk li pproponiet il-MAM.

Fl-ewwel reazzjoni esklussiva tiegħu ma’ Newsbook.com.mt Dr Balzan qal li l-Kunsill tal-MAM se jitlaqqa llum wara nofsinhar u li l-miżuri li ħabbar il-Gvern, fosthom li ma jinġabrux iktar minn 15-il persuna f’post wieħed, li jingħalqu postijiet tad-divertiment u li tiġijiet jistgħu jibqgħu isiru bilqiegħda bl-ikel servut mal-mejda, huma viċin ħafna għal dawk proposti mill-MAM.

Altar tard fi stqarrija maħruġa llejla sar magħruf li l-Kunsill tal-MAM issosspenda l-azzjonijiet industrijali wara li ġew ippubblikati l-miżuri. Qalu li ma hemmx ġustifikazzjoni li f’dan l-istadju jsiru l-azzjonijiet.

“Biex jaħdmu l-miżuri jrid ikun hawn dixxiplina u infurzar serju” – Balzan

Dr Balzan sostna li biex jaħdmu l-miżuri jrid ikun hawn dixxiplina u infurzar b’saħħtu. Huwa qal li jemmen li l-maġġoranza tan-nies se jimxu mal-miżuri mħabbra llum. Żied jgħid li madanakollu dejjem issib min jazzard jisfida l-liġi, u għalhekk hu importanti li “l-Gvern jagħmilha ċara li m’hemmx amnestija u li l-liġi tiġi implimentata u l-multi jingħataw fejn hemm bżonn.” Huwa temm jgħid li jittama li n-nies jimxu mal-miżuri.

Id-deċiżjoni tal-MAM dwar jekk hux se jidħlu fis-seħħ id-direttivi tal-azzjoni industrijali tat-tobba li hu pjanat li tidħol dis-seħħ minn għada filgħodu hi mistennija li titħabbar iktar tard illum.

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 69 każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta filwaqt li fiequ 10 persuni oħra.