Biex iżżur il-qraba f’San Vinċenz mhux bilfors tuża x-shuttle

Archives

Minkejja li bħalissa hemm sistema fejn il-qraba jitwasslu ħdejn l-anzjani tagħhom permezz ta’ servizz ta’ trasport shuttle, min jixtieq jevita li jagħmel użu mis-servizz jista’ jmur fil-punt ta’ laqgħa bil-pass.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv tar-residenza ta’ San Vinċenz de Paul Josianne Cutajar wara numru ta’ mistoqsijiet dwar is-sistema kurrenti ta’ kif il-qraba jiltaqgħu mal-anzjani.

Diversi sorsi ta’ Newsbook.com.mt spjegaw li għal tul ta’ żmien ma kienx possibbli li huma jirrifjutaw li jagħmlu użu mis-servizz tax-shuttle ta’ San Vinċenz de Paul biex iżuru l-anzjani tagħhom, lanqas jekk jitolbu li jimxu sal-punt tal-laqgħa. Qalu li minħabba r-realtà tal-pandemija fil-pajjiż, ma kinux qed iħossuhom siguri jagħmlu użu minn trasport għax ma ridux ir-riskju li jispiċċaw jimirdu bil-coronavirus.

Cutajar spjegat kif qed taħdem is-sistema kurrenti taż-żjarat lill-anzjani. Qalet li bħalissa il-viżitaturi kollha li jidħlu fir-residenza ta’ San Vinċenz iridu jgħaddu minn screening fid-daħla prinċipali tar-residenza. Għal din ir-raġuni, il-viżitaturi mhux qed jitħallew jidħlu bil-karozza fil-parkeġġi fuq ġewwa iżda jridu jħallu l-karozza tagħhom fil-parkeġġ ta’ barra. Il-viżitaturi jkunu jridu jħallu d-dettalji tagħhom qabel ma jidħlu fir-residenza fil-ħin tal-appuntament tagħhom. Huma jgħaddu minn screening, imbagħad permezz ta’ servizz shuttle jitwasslu fil-punt tal-laqgħa fejn ikun hemm qed jistennihom il-qarib tagħhom.

Dwar jekk qraba jistgħux jiddeċiedu li jimxu lejn il-punt tal-laqgħa minflok ikollhom ta’ bilfors jagħmlu użu mis-servizz tax-shuttle, Cutajar ikkonfermat li issa dan jista’ jsir. Qalet dan dejjem jekk ir-residenti jaraw li jimxu mar-ring road tar-residenza u ma jidħlux ġol-binja mit-toroq tal-madwar.

“Is-servizz tax-shuttle kien approvat”

Newsbook.com.mt staqsa dwar jekk dan is-servizz ta’ shuttle kienx approvat mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, bħala proċess sikur għas-saħħa mhux biss tar-residenti, iżda wkoll tal-qraba tagħhom. Cutajar ikkonfermat dan u qalet li s-servizz huwa parti mill-proċedura approvata taż-żjarat f’din il-fażi tal-exit plan tal-coronavirus.

Min-naħa tagħha, Prof. Gauci qalet ma’ Newsbook.com.mt li r-residenza ta’ San Vinċenz għandha l-Infection Control Unit (ICU) tagħha stess u tirreferi għall-pariri tas-Superintendenza biss f’każ ta’ bżonn.

Intant, Cutajar kompliet tgħid li l-viżitaturi kollha jridu jilbsu visors jew maskri waqt li jkunu qed jagħmlu ż-żjara tagħhom fir-residenza. Spegat li għandha tinżamm ukoll id-distanza soċjali. Il-proċess taż-żjarat qed ikun ikkordinat mill-uffiċjali ta’ San Vinċenz de Paul stess. Hi ma daħlitx f’dettall dwar il-proċess li hemm fis-seħħ dwar id-diżinfettar tas-servizz tax-shuttle.

“Il-ħaddiema tas-saħħa jridu jkunu l-ħin kollu bil-maskri”

Intant, Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar jekk il-ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu fir-residenza għadhomx fil-bżonn li l-ħin kollu jkunu lebsin maskri jew visors. Cutajar qalet li l-ebda ħaddiem ma jista’ jaħdem fir-residenza migħajr l-użu ta’ maskra jew visor.

Minkejja dan, persuni li żaru lill-anzjani rrappurtaw ma’ Newsbook.com.mt kif kien hemm numru ta’ ħaddiema li kienu f’kuntatt mal-anzjani fir-residenza mingħajr l-użu ta’ maskri jew visors.