“Biex inkunu b’saħħitna fil-fidi rridu mmissu l-pjagi tal-inġustizzji” – L-Arċisqof

Waqt il-Quddiesa fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika tal-Ħniena Divina, l-Arċisqof Charles Sciculna qal li biex wieħed ikollu fidi b’saħħitha jrid imiss il-pjagi ta’ Kristu permezz tal-inġustizzji li jsiru fis-soċjetajiet.
Fl-omelija, l-Arċisqof sostna li meta wieħed iressaq idu lejn il-pjagi ta’ madwaru, ikun qed isaħħaħ il-fidi.
Sostna wkoll dwar l-importanza li wieħed iħares lejn il-persuni ta’ madwaru, bħalma kien jagħmel Ġesù. Huwa nsista li l-fidi “trid tkun waħda li tiltaqa’ mal-pjagi ta’ Ġesu fis-sofferenza tal-lum u titqanqal bl-istess sentiment ta’ ħniena, li hija espressjoni ta’ mħabba lejn il-proxxmu”.
L-Arċisqof fakkar li l-akbar ħniena hija l-maħfra tal-għedewwa, u kien hawnhekk li għamel referenza għal Papa Ġwanni Pawlu II li sostna li kien xempju ta’ dan l-eżempju, speċjalment meta kien ħafer u baqa’ f’kuntatt mar-raġel li kien sparalu.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof għamel referenza wkoll għas-seba’ persuni li għammed fil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet.
Il-Quddiesa kienet animata mill-kor tat-tfal u ż-żgħażagħ bl-isem ta’ Mount St Mary’s College & Barlborough Hall School Choir mir-Renju Unit.
Ritratti: Kurja – knisja.org/ritratti