Biex in-nisa u l-irġiel ikunu ndaqs iridu jgħaddu 170 sena oħra – Il-President

Nhar il-11 ta' Ottubru se niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Bniet. Ċelebrazzjoni fejn għandna nirrikonoxxu l-valur u l-kontribuzzjoni ta’ madwar 1.1 biljun tifla, li jiffurmaw parti mill-popolazzjoni tad-dinja.
Din il-ġenerazzjoni ta’ bniet qed tikber fi żmien ta' bidla soċjali, politika, ekonomika u ambjentali mingħajr preċedent. Żminijietna jeħtieġu tmexxija innovattiva b’saħħitha, li tassigura l-parteċipazzjoni ta' nies ta' kull età u ġeneru.
Sabiex nilqgħu għall-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja, nemmen li l-ewwel u qabel kollox, għandna nassiguraw li s-soċjetajiet tagħna jkunu mibnija fuq l-ekwità u l-ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri..
L-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, u s-17-il mira għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħha jisħqu fuq il-ħtieġa li nassiguraw opportunatijiet reali u ndaqs għan-nies kollha fid-dinja. B'mod partikolari, il-Mira Sostenibbli Numru 5 tesiġi fuq il-komunità internazzjonali biex, sal-2030, niksbu ugwaljanza sħiħa u effettiva bejn il-ġeneri.
Sadanittant, bħalissa m'hemm l-ebda pajjiż fid-dinja fejn l-irġiel u n-nisa huma verament trattati b'mod ugwali. Bil-pass attwali ta' progress, skont l-indikaturi tal-Forum Ekonomiku Dinji, huwa stmat li mhux se jkollna parità sħiħa bejn il-ġeneri qabel 170 sena oħra.
Żgur li ma nistgħux nistennew daqshekk.
Jiena ċerta li, sabiex tinħoloq bidla sostenibbli u fit-tul, irridu ninkludu b'mod attiv il-vuċijiet u l-esperjenzi tat-tfajliet tagħna.
Il-bniet tagħna huma parti essenzjali fil-vjaġġ lejn bidla pożittiva. Jeħtieġ li l-bniet tagħna, niftħulhom opportunitajiet effettivi u ndaqs biex jirnexxu u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Jeħtieġ nassiguraw li l-bniet ukoll jkollhom aċċess effettiv għal opportunitajiet fl-aspetti kollha, u tul ħajjithom.
Huwa meta nirrispettaw id-dinjità sħiħa tan-nisa u l-bniet, u l-valur tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, li nistgħu nagħmlu differenza vera fil-komunitajiet u fis-soċjetà tagħna.
Għal din ir-raġuni, għandna nkomplu nippromwovu proċessi attivi ta’ parteċipazzjoni għat-tfal, u li jħeġġu biex it-tfal jkunu l-attivisti tal-preżent. Jeħtieġ nrabbu lil uliedna biex jemmnu fihom nfushom, ħalli jkunu l-mexxeja ta’ għada u ħassieba innovattivi, li jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà rispettiva tagħhom.
Hemm bżonn urġenti li nassiguraw l-opportunitajiet xierqa għat-tfal kollha, bniet u subien, u li jixprunawhom, biex jkunu n-nisa u l-irġiel, li jmexxu għada.
Għal din ir-raġuni, jien kburija, li qed nippatrunizza l-kampanja #Girl2Leader, imnedija mill-Women Political Leaders Global Forum.
Din il-kampanja #Girl2Leader hija maħsuba biex tegħleb l-immaġini ta’ sterjotipiżmu, u toħloq l-ambjent meħtieġ biex tinkoraġġixxi u tappoġġja lin-nisa żgħażagħ biex jikkunsidraw il-potenzjal tagħhom fit-tmexxija pubblika u fil-politika.
Nixtieq nagħti ħajr, lil numru ta' individwi u organizzazzjonijiet, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, li qed jgħinuna biex nwasslu l-messaġġ li fuqu msejjes dan il-Jum Internazzjonali tal-Bniet.
Għall-kampanja #Girl2Leader, irċevejna l-appoġġ mingħand dawn l-Membri tal-Parlament Ewropew Maltin: Marlene Mizzi, Francis Zammit Dimech, Miriam Dalli u Alfred Sant, li kollha kemm huma impenjaw ruħhom biex jappoġġjaw delegazzjoni Maltija ta' nisa żgħażagħ biex ikunu preżenti fi Brussell fil-11 ta’ Ottubru, għat-tnedija uffiċjali tal-kampanja #Girl2Leader.
Din l-inizjattiva importanti qed tiġi kkoordinata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, li qed torganizza għadd ta' inizjattivi oħra biex niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Bniet.
Sadanittant, rappreżentanti minn Google żaru Malta biex organizzaw il-programm tagħhom bl-isem #IAmRemarkable. Flimkien mal-Women Political Leaders Global Forum, nies mħarrġa apposta, kienu nvoluti f'workshops ma' studenti nisa Maltin, biex jistimulaw diskussjoni u joħolqu opportunitajiet għall-empowerment ta’ studenti nisa Maltin.
Filwaqt li fil-11 ta’ Ottubru, fil-Jum Internazzjonali tal-Bniet, il-kampanja #Girl2Leader se titnieda fi Brussell, lokalment, se jsir avveniment biex jimmarka din il-ġurnata osservata mill-Ġnus Maqgħuda, fl-Università ta' Malta, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Studenti Universitarji.
Fil-11 ta’ Ottubru, ser titnieda uffiċċjalment, il-Pjattaforma ta' Organizzazzjonijiet għan-Nisa, bl-isem emPOWer, li ilha x-xhur, tiġi ffaċilitata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Din il-pjattaforma għandha l-għan li tinkoraġġixxi aktar nisa biex jipparteċipaw f'pożizzjonijiet ta' influwenza u tmexxija.
Dakinhar se ssir diskussjoni, permezz ta’ panel, li se jqajjem il-mistoqsija dwar kif nistgħu nikkontribwixxu b'mod kollettiv lejn il-kisba tal-Mira tal-Iżvilupp Sostenibbli Nru. 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Biex jirnexxielna niksbu il-paċi pożittiva, l-ġid ħolistiku, u l-ġustizzja soċjali, jien konvinta li rridu ninkludu lil kulħadd.
Pajjiżna, u d-dinja, jeħtieġu strateġiji qawwija, favur tmexxija inklussiva. Bla dubju, d-dinja teħtieġ il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-bniet kollha, flimkien mal-irġiel u s-subien. 
Huwa b'dan il-mod, li aħna nkunu nistgħu noħolqu tassew, futur li jassigura l-ġustizzja soċjali u l-prosperità għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Il-President ta' Malta
Marie-Louise Coleiro Preca