Biex il-katekeżi tħalli frott trid tkun magħmula minn 3 elementi – L-Isqof ta’ Għawdex

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma qal li l-ebda katekeżi ma tista’ tħalli frott jekk ma tkunx magħmula minn tliet elementi essenzjali.

Hu qal dan nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru meta mexxa Lectio Divina għall-katekisti Għawdxin fil-Knisja Arċiprietali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem. Dan hekk kif il-ġimgħa d-dieħla, iċ-Ċentri tad-Duttrina fid-Djoċesi ta’ Għawdex huma mistennija jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għat-tfal biex isir it-tagħlim tal-katekiżmu.

L-Isqof silet xi riflessjonijiet mill-episodju ta’ meta Ġesù tela’ jaqra silta mill-ktieb tal-Profeta Iżaija fis-Sinagoga ta’ Nazaret, irrakkuntat minn Luqa 4:16-30, fejn, skont bosta eseġeti, Ġesù joħroġ bħala “katekista fallut”, għax fi tmiem dik li prattikament suppost kienet l-ewwel katekeżi tiegħu, il-Lhud lil Ġesù riedu jwaddbuh minn fuq is-sies għal isfel.

“Dan kollu għax Ġesù, fl-iqsar omelija li qatt saret magħmula minn sentenza waħda – “Illum din il-kelma seħħet f’widnejkom” – kien qed jistieden lill-udjenza biex mhux biss tisma’ kliem li jolqot il-ħsieb, imma tapplika dik il-Kelma bl-esperjenza ta’ ħajjitha stess,” qal l-Isqof.

“Il-fqajrin, l-għomja, l-imjassrin u l-maħqurin li jsemmi t-test li qara Ġesù jistgħu jkunu l-familji u t-tfal li jiġu għat-tagħlim fil-klassijiet tad-duttrina, fisser l-Isqof Anton lill-katekisti. Din l-ewwel katekeżi ta’ Ġesù fil-bidu tal-missjoni pubblika tiegħu hi sejħa li tinbidel f’konverżjoni u twassal għall-missjoni, tenna l-Isqof,” irrimarka Mons. Teuma.

Sostna li kull katekista veru għandu jasal biex jifhem li l-missjoni li fdatlu l-Knisja mhix xi “biċċa xogħol” imma hi l-istess esperjenza tal-ħajja Nisranija tiegħu li fiha hu jitgħallem u jgħallem, isir jaf lil Kristu u jdewqu lill-oħrajn.