Bidwi minn kull ħamsa hu Għawdxi

Madwar bidwi minn kull ħamsa huwa Għawdxi.
Dan joħroġ minn ċifri ppubblikati fil-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Bartolo fisser li l-bdiewa u r-raħħala full-time fil-gżira tat-Tliet Għoljiet fil-31 ta’ Diċembru kienu 271, jew 17.2 tal-bdiewa u r-raħħala kollha full-time fil-gżejjer Maltin.
In-numru ta’ bdiewa u raħħala part-time fl-istess perjodu kienu 352 jew 20.3%.
Is-sajjieda full-time u part-time kienu 81 u 163 rispettivament jew 23.2 fil-mija tas-sajjieda f’kull każ.
Intant il-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura Leo Brincat wieġeb Mistoqsija Parlamentari tal-istess Deputat Nazzjonalista li l-persentaġġ ta’ baqar f’Għawdex meta mqabbel ma’ dak ta’ Malta huwa ta’ 36.39%, tal-majjal huwa ta’ 8.74%, tat-tiġieġ tal-broilers huwa ta’ 16.93%, filwaqt li tat-tiġieġ tal-layers huwa ta’ 19.53%.