Bidu xemxi għas-sena l-ġdida

L-Uffiċċju Meteoroloġiku qed ibassar li s-sena 2020 se tibda b’temp bnazzi u xemxi, mingħajr xita.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju spjega li s-sena l-ġdida mistennija tibda fuq nota mdawla. Ir-riħ għandu jbatti u għada mistenni jkun hemm riħ ħafif għal moderat mid-direzzjoni tal-Majjistral it-Tramuntana li mbagħad isir moderat u jitqawwa ftit matul il-jum.

Minkejja dan, it-temp kiesaħ li ħakem il-Gżejjer Maltin dan l-aħħar, għandu jippersisti anke fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida. Dan hu kkawżat minn arja kiesħa nieżla mir-Russja b’riżultat ta’ antiċiklun li qed jgħatti ħafna mill-kontinent tal-Ewropa.

Bejn illum u t-tieni jum ta’ Jannar, it-temperatura tal-arja mistennija tilħaq massimu ta’ 15°C u titbaxxa għal 7°C. Din it-temperatura minima mbagħad mistennija tiżdied b’żewġ gradi sa tmiem il-ġimgħa. B’dawn it-temperaturi mbassrin għall-aħħar tas-sena, l-2019 se tispiċċa fuq nota kiesħa.

L-aħħar jum tas-sena 2014 jibqa’ l-aktar wieħed kiesaħ fir-rekords meteoroloġiċi, peress li t-temperatura tal-arja niżlet għal 2.1°C u s-sena 2015 bdiet b’kesħa xxoqq il-għadam.