Bidu tajjeb għal Zebbug Rangers u Floriana fis-Summer Cup

Mill-Luxol Stadium, żewġ logħbiet oħra mis-Summer Cup, fejn Zebbug Rangers għelbu lil Mosta wara l-għoti tal-penalties u Floriana rebħu bi tliet gowls mingħajr risposta fuq Vittoriosa Stars.
Fl-ewwel logħba ż-Żebbuġin kellhom vantaġġ ta’ żewġ gowls skurjati minn Sergio Campano fil-5 minuta u Marcelo Britto minn penalti fid-39 minuta.
Il-Mostin naqsu d-distakk minuta mit-tmiem tal-ewwel taqsima permezz ta’ penalti skurjat minn Bojan Kaljevic.
Reġa’ kien Bojan Kaljevic li għal darb’oħra minn penalti ġab id-dro fid-79 minuta.
Wara d-90 minuta l-logħba ntemmet fi dro ta’ 2-2 u għalhekk ż-żewġ timijiet marru għall-għoti tal-penalties.
Zebbug Rangers ħarġu rebbieħa 4-3 u ħadu 2 punti, filwaqt li Mosta ħadu punt.
Fit-tieni logħba, Floriana kellhom wirja mill-aqwa b’rebħa ta’ 3-0 fuq Vittoriosa Stars.
It-tliet gowls Furjaniżi ġew mit-tliet barranin ġodda li qed juru sinjali pożittivi fl-iskwadra.
Is-Sloven Vito Plut fetaħ l-iskor fis-17-il minuta u l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-0 għal Floriana.
Lejn l-aħħar tat-tieni taqsima is-sostitut Luca Bruccioli skurja malli daħal fid-79 minuta u Matteo Piciollo għamilhom 3-0 fis-86 minuta.
Is-Summer Cup tkompli għada b’żewġ logħbiet oħra minn Grupp A.
Fis-6:30pm Qormi jilagħbu kontra Pietà Hotspurs u fit-8:30pm Balzan jilagħbu kontra Naxxar Lions.