Bidu perfett għar-Russja

L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja kellhom l-aqwa bidu possibbli għall-avventura tagħhom fit-Tazza tad-Dinja b’rebħa ta’ 5-0 fuq l-Arabja Sawdita. Yury Gazinsky poġġa lir-Russja fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras wara 12-il minuta qabel Denis Cheryshev żied it-tieni gowl qabel l-intervall.

Artem Dzyuba għamilhom 3-0 fil-71 minuta u Cheryshev ta’ Villareal skorja t-tieni gowl tiegħu fil-ħin miżjud. Madanakollu l-miżerja tal-Arabja Sawdita ma ntemmitx hemm hekk kif Aleksandr Golovin niżżel ismu mal-lista ta’ plejers li skurjaw grazzi għal freekick brillanti.

L-Arabja Sawdita ddominaw l-pussess tal-ballun f’ċertu mumenti iżda wettqu bosta żbalji tattiċi li kellhom konsegwenzi negattivi. Ir-Russja issa se tilgħab kontra l-Eġittu fid-19 ta’ Ġunju u t-tim Afrikan mistenni joffri oppożizzjoni iktar iebsa lin-nazzjon organizzatur.