Bidu għal-London Fashion Week b’żewġ protesti favur l-annimali u l-ambjent

L-isfilata tal-moda f’Londra li tagħmel ġimgħa għaddejja bdiet b’kontroversja rigward il-catwalk minħabba li spiċċat fil-mira ta’ żewġ protesti separati. Rappreżentanti favur id-drittijiet tal-annimali bl-isem People for the Ethical Treatment of Animals (PETA) indilku bi bħal tajn iswed biex jenfasizzaw fuq dak li rreferew għalih bħala ‘skart perikoluż assoċjat mal-industrija tal-ġilda.’

Sadanittant, attivisti favur il-klima bl-isem ta’ Extinction Rebellion użaw tapit aħmar imdemmi biex jiġbdu l-attenzjoni lejn l-impatt li qed tħalli l-industrija tal-ħwejjeġ fuq l-ambjent. Il-grupp bagħat messaġġ fuq il-mowbajl lill-ġurnalisti. F’dan il-messaġġ huma qalu li qed jappellaw biex l-industrija tal-moda tgħid il-verità dwar il-kontribuzzjoni tagħha għall-kriżi tal-klima.

Fi żmien fejn qed jikber l-għarfien dwar l-ambjent, l-industrija tal-moda qed tiġi mħeġġa tkun aktar sostenibbli u tnaqqas l-iskart.