Bidu ġdid għall-Ewropa

Participation of Ursula von der Leyen, President of the EC, at the ceremony to mark the start of the new European Commission and the 10th anniversary of the Treaty of Lisbon
Charles Michel, Ursula Von Der Leyen, David Sassoli

Read in English.

Hekk kif jibda jidlam, illejla, ix-xemx se tkun niżlet fuq aktar minn 45 sena ta’ sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Għalina, bħala l-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE, illum se tkun inevitabbilment ġurnata ta’ riflessjoni u ta’ taħlita ta’ emozzjonijiet — kif se tkun għal ħafna nies.

Ħsibijietna huma ma’ dawk kollha li għenu biex l-Unjoni Ewropea ssir dak li hi llum. Dawk li huma mħassba dwar il-futur tagħhom jew diżappuntati jaraw lir-Renju Unit jitlaq. Dawk il-membri Brittaniċi tal-istituzzjonijiet tagħna li għenu fit-tiswir ta’ politiki li għamlu l-ħajja aħjar għal miljuni ta’ Ewropej. Aħna se naħsbu fir-Renju Unit u l-poplu tiegħu, il-kreattività, l-inġenjożità, il-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu, li kienu parti vitali min-nisġa tal-Unjoni tagħna.

Dawn l-emozzjonijiet jirriflettu kemm ir-Renju Unit huwa għal qalbna — xi ħaġa li tmur ferm lil hinn mis-sħubija fl-Unjoni tagħna. Dejjem iddispjaċiena profondament għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq, iżda dejjem irrispettajniha bis-sħiħ.  Il-ftehim li lħaqna huwa ġust għaż-żewġ naħat u jiżgura li miljuni ta’ ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit ikomplu jkollhom id-drittijiet tagħhom protetti fil-post li jsejħu darhom.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li nħarsu lejn il-futur u nibnu sħubija ġdida bejn il-ħbieb. Flimkien, it-tliet istituzzjonijiet tagħna se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex dan ikun suċċess. Lesti biex inkunu ambizzjużi.

Kemm dik is-sħubija se tkun profonda jiddependi minn deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu. Għax kull għażla għandha konsegwenza. Mingħajr il-moviment liberu tal-persuni, ma jistax ikun hemm moviment liberu tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi. Mingħajr kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-ambjent, ix-xogħol, it-tassazzjoni u l-għajnuna mill-Istat, ma jistax ikun hemm l-ogħla aċċess ta’ kwalità għas-suq uniku. Mingħajr ma tkun membru, ma tistax iżżomm il-benefiċċji tas-sħubija.

Matul il-ġimgħat, ix-xhur u s-snin li ġejjin, se jkollna nħollu xi ħjut minn dak li nsiġna flimkien bejn l-UE u r-Renju Unit fuq ħames deċennji. U hekk kif nagħmlu dan, ser ikollna naħdmu qatigħ biex flimkien ninsġu triq ’il quddiem bħala alleati, sħab u ħbieb.

Filwaqt li r-Renju Unit mhux se jibqa’ membru tal-UE, se jibqa’ parti mill-Ewropa. Il-ġeografija, l-istorja u r-rabtiet komuni tagħna f’ħafna oqsma inevitabbilment jgħaqqduna u jagħmluna alleati naturali.  Ser inkomplu naħdmu flimkien fuq l-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża b’għan komuni u interessi reċiproċi kondiviżi. Iżda ser nagħmlu dan b’modi differenti. 

M’aħniex qed nissottovalutaw il-kompitu li jinsab quddiemna, iżda fiduċjużi li b’rieda tajba u b’determinazzjoni nistgħu nibnu sħubija dejjiema, pożittiva u siewja.   

Iżda għada se jkun ukoll jum ġdid għall-Ewropa.

L-aħħar ftit snin qarrbuna lejn xulxin — bħala nazzjonijiet, bħala istituzzjonijiet u bħala poplu. Fakkruna lkoll li l-Unjoni Ewropea mhijiex biss suq jew qawwa ekonomika iżda tirrappreżenta valuri li lkoll kemm aħna nikkondividu u niddefendu. Kemm aħna aktar b’saħħitna meta nkunu flimkien.

Huwa għalhekk l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea se jkomplu jgħaqqdu l-forzi tagħhom u jibnu futur komuni. F’era ta’ kompetizzjoni qawwija ħafna u ta’ ġeopolitika turbolenti, id-daqs huwa importanti. L-ebda pajjiż waħdu ma jista’ jżomm lura l-mewġa tat-tibdil fil-klima, isib soluzzjonijiet għall-futur diġitali jew ikollu vuċi b’saħħitha fil-kakofonija tad-dinja li qiegħda dejjem tiżdied.

Iżda flimkien, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu.

Nistgħu għax għandna l-akbar suq intern fid-dinja. Nistgħu għax aħna l-akbar sieħeb kummerċjali għal 80 pajjiż. Nistgħu għax aħna Unjoni ta’ demokraziji vibranti. Nistgħu għax il-popli tagħna huma determinati li jippromwovu l-interessi u l-valuri Ewropej fix-xena dinjija. Nistgħu għax l-Istati Membri tal-UE ser jużaw il-poter ekonomiku u kollettiv konsiderevoli tagħhom f’diskussjonijiet mal-alleati u l-imsieħba – l-Istati Uniti, l-Afrika, iċ-Ċina jew l-Indja.

Dan kollu jagħtina sens imġedded ta’ skop komuni. Għandna viżjoni komuni ta’ fejn irridu mmorru u impenn biex inkunu ambizzjużi dwar id-definizzjoni tal-kwistjonijiet ta’ żminijietna. Kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, irridu nkunu l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, u b’hekk fil-proċess noħolqu impjiegi u opportunitajiet ġodda għan-nies. Irridu nkunu minn ta’ quddiem fil-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji diġitali u rridu tranżizzjoni ġusta sabiex inkunu nistgħu nappoġġjaw lill-persuni l-aktar affettwati mit-tibdil.

Aħna nemmnu li l-Unjoni Ewropea biss tista’ tagħmel dan. Iżda nafu li dan nistgħu nagħmluh biss flimkien: in-nies, in-nazzjonijiet, l-istituzzjonijiet. U aħna, bħala Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet, impenjati li nagħmlu l-parti tagħna. 

Din il-ħidma se tkompli hekk kif ix-xemx titla’ għada.

David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew

Charles Michel, President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea