Bidu ġdid fl-Ingilterra għal kelb Malti ta’ 8 snin

Winston, kelb Malti ta’ 8 snin li qatta’ dawn l-aħħar tliet snin ta’ ħajtu ġewwa s-Santwarju tal-Annimali fl-Għammieri, ġie addottat minn familja Ingliża li saret taf bih minn fuq Facebook, u llum jinsab kuntent mal-familja l-ġdida tiegħu fir-Renju Unit.
Maria D'Amato, li tgħin lis-Santwarju biex isib familji li lesti jaddottaw il-klieb, kitbet fuq Facebook li ħafna familji li kienu jmorru jaraw il-klieb lanqas biss kienu jagħtu kas Winston minħabba li kienu attirati iktar lejn klieb iżgħar u iktar ħelwin.
Madankollu, D’Amato qalet li ftit wara li n-nies bdew ixerrdu l-avviż tagħha dwar Winston fuq il-mezzi soċjali, familja li tgħix l-Ingilterra kkuntattjatha biex taddottah.
Kompliet tgħid li l-familja ħallsitlu t-titjiriet li kellu bżonn biex jasal u ssottomettiet id-dokumenti kollha li kien hemm bżonn.
Skontha, l-ispiża qabżet is-€700, iżda l-familja kienet lesta li tħallas kemm ikun hemm bżonn biex jingħaqad magħha dan il-membru ġdid.
Filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tas-santwarju u lill-uffiċjali għall-benessri tal-annimali għall-għajnuna tagħhom tul dan il-proċess, l-appell aħħari tagħha kien lill-Maltin kollha biex ixerrdu kemm jista’ jkun avviżi li jaraw fuq il-mezzi soċjali dwar klieb għall-addozzjoni, biex huma, bħal Winston, ukoll ikunu jistgħu jsibu familja li tħobbhom. 
Ritratti: Maria D'Amato