Bidliet għal-liġi tal-elezzjonijiet diskussa fil-Parlament

Il-Parlament qed jiddiskuti bħalissa emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta li jwasslu biex tinbidel il-liġi dwar l-elezzjonijiet.

Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, rrefera għall-bidliet prinċipali fosthom li persuna li tkun irċeviet mill-Qorti sentenza ta’ ħabs sospiża għandha tkun tista’ tivvota xorta waħda.

Bidliet oħrajn jikkonċernaw il-kunċett ta’ advanced voting, meta xi kategoriji ta’ persuni jivvutaw qabel id-data tal-elezzjoni propja, fosthom dawk li jkunu jafu minn qabel li fil-jum tal-elezzjoni se jkunu rikoverati l-isptar, inkluż nisa li jkunu se jwelldu dakinhar.

Persuni li se jkunu rikoverati fi sptarijiet fosthom fl-Isptar Karin Grech jew fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, se jkunu jistgħu jivvutaw fl-isptarijiet stess jekk jiġu rikoverati sa erbat ijiem qabel l-elezzjoni.

Dawk il-persuni li se jkunu residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule se jkunu jistgħu jivvutaw hemm jekk jidħlu fir-residenza sa 14-il ġurnata qabel l-elezzjoni.

Se jinbidlu wkoll il-ġranet u l-ħinijiet li fihom persuni rikoverati fi sptarijiet se jkunu jistgħu jivvutaw.

Owen Bonnici semma’ wkoll li l-amministrazzjoni tal-isptarijiet f’pajjiżna se tkun inkarigata li tibgħat lista ta’ pazjenti fl-isptarijiet minn ġimgħatejn qabel l-elezzjoni, li tibqa’ tiġi aġġornata sa ġurnata waħda biss qabel l-elezzjoni. Dawn il-pazjenti kollha jkunu jistgħu jivvutaw fl-isptarijiet.

Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ numru ta’ proposti imma mhux ma’ oħrajn.

L-Oppożizzjoni hi  kontra li jkun hemm kwantità ta’ nies li jivvutaw fl-iktar ġurnata intensiva tal-kampanja elettorali filwaqt li tħoss li wħud mill-emendi se jwasslu  biex il-“ħajja tkun iktar diffiċli fl-isptarijiet”. L-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-votazzjoni qabel il-ġurnata tal-elezzjoni, ħlief għal dawk li se jkunu msefrin, għandha titħalla fl-iktar ġurnata kwieta tal-kampanja elettorali meta l-propoganda tkun waqfet.