Bidliet fis-servizz tat-trasport pubbliku minn għada l-Ħadd

Minn għada l-Ħadd, se tibda titħaddem l-iskeda tax-xitwa tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u Għawdex.
Malta Public Transport qalet li se jidħlu fis-seħħ numru ta’ bidliet wara li ġiet eżaminata d-domanda li jkun hawn għal ċerti vjaġġi fix-xhur tax-xitwa.
Fost l-oħrajn Transport Malta ħabbret li se jitwaqqfu numru ta’ servizzi fosthom dak li mill-Kalkara jwassal lejn SmartCity, dak li mill-bajja tal-Għadira jwassal sal-Bajja tal-Armier, u dak bejn iż-Żurrieq u Ħaġar Qim.
Tħabbar ukoll li r-rotot 101 u 102 m’humiex se jibqgħu iservu lil dawk li jridu jmorru l-Imġarr u l-Ġnejna hekk kif is-servizz ta’ dawn ir-rotot se jieqaf f’Għajn Tuffieħa.
Rotta 109 mhux se tibqa’ tmur lejn Għar Lapsi fix-xitwa għax is-servizz se jieqaf ħdejn id-Dar tal-Provvidenza.
Se jitwaqqaf ukoll is-servizz tal-X3 li jitlaq fl-10.35pm mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-aħħar servizz se jiġi offrut fl-10.05pm.
Malta Public Transport ħabbret ukoll xi bidliet żgħar oħra fuq rotot li jaffettwaw lill-passiġġieri li jużaw it-trasport lejn l-Imtarfa, Ħ’Attard, Pembroke u Ħal Qormi.
Tista’ taċċessa t-tabella sħiħa tat-trasport pubbliku billi tagħfas hawnhekk.