“Bidliet fil-liġi dwar immigranti li jwettqu reat” – Merkel

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li qed tikkunsidra bidliet fil-liġi biex immigranti li jwettqu reat ikunu jistgħu jiġu deportati iktar malajr.
Hija qalet dan fl-isfond tal-istupri fuq nisa fil-belt ta’ Cologne.
Intant il-Kap tal-Pulizija Ġermaniża f’Cologne irriżenja sabiex il-pubbliku jerġa’ jikseb il-fiduċja fil-pulizija.
Din ir-riżenja waslet wara għexieren ta’ attakki fuq diversi nisa f’din il-belt Ġermaniża nhar Lejliet l-Ewwel tas-Sena.
Bosta persuni kkritikaw il-mod ta’ kif il-Pulizija issorveljaw il-belt fil-31 ta’ Diċembru li għadda. Attakki vjolenti li seħħew qrib l-istazzjon ewlieni tal-ferrovija ta’ Cologne nisslu dibatittu dwar kemm il-Ġermanja għandha tilqa’ immigranti irregolari.
Illum se ssir dimostrazzjoni pubblika mill-grupp Pegida li huwa kontra l-immigrazzjoni.
Rapporti fil-midja qalu li kienu klikek li kellhom ix-xeħta ta’ persuni Għarab u mill-Afrika ta’ Fuq, li organizzaw dawn l-attakki fuq in-nisa. Dawn kien jinkludu każijiet ta’ stupri u oħrajn ta’ serq.
Dawk li sofrew l-aggressjonijiet qalu li ma sabu l-ebda għajnuna mill-pulizija tal-lokal.