Bidliet fil-Kurja Rumana meħtieġa biex l-umanità tkun servuta aħjar

Il-Papa Franġisku jkellem membri tal-Kurja Rumana waqt l-awguri tal-Miied. (Vatican Media)

Il-Papa Franġisku ħa l-okkażżjoni tal-bdil tal-awguri tal-Milied mal-membri tal-Kurja Rumana beix spjega t-tibdil li qed isir fl-istrutturi tal-Vatikan u qal li dan it-tibdil qed isir biex tegħleb il-biża’ u n-nuqqas ta’ flessibilita’ u biex tkun f’pożizzjoni li xxandar aħjar l-Evanġelju lil dinja li m’għadhiex Kristjana.

F’dinja li qed tinbidel, il-Kurja Rumana ma tbiddilx biex timxi mal-moda. Il-Knisja tikber u tiżviluppa mill-perspettiva ta’ Alla. Anke l-Bibbja hi vjaġġ li jibda u jerġa’ jibda”. Wieħed mill-aħħar qaddisin, il-Kardinal Newman meta jitkellem dwar “bidla”, ifisser “konverżjoni”.

Fid-diskors tiegħu l-Papa qal li mhux biss “qed ngħixu fi żmien ta’ bidla imma wkoll f’bidla taż-żmien”. Hu senna li nħallu lilna nfusna “inkunu sfidati mill-isfidi ta’ żmienna”, b’dixerniment u kuraġġ flok inħallu lilna nfusna nintrebħu mill-kumdità li tiġi meta nħallu kollox kif inhu.

“Spiss jiġri li nesperjenzaw il-bidla sempliċment billi nilbsu ħwejjeġ ġodda, iżda mill-bqija nibqgħu kif konna”.

Bejn il-ġdid u l-memorja

Il-Papa Franġisku tkellem dwar ir-riforma fil-Kurja Rumana li ma tippretendix li donnu xejn ma kien hemm qabel, imma “għall-kuntrarju, it-tibdil li qed isir hu maħsub li jtejjeb it-tajjeb li kien hemm u sar fl-istorja kumplessa tal-Kurja”.

“Għandna dover li napprezzaw l-istorja biex nibnu future fuq pedamenti sod, li jkollu għeruq u allura jagħti l-frott. Li niftakru ma jfissirx li nibqgħu ankrati u nippreservaw lilna nfusna imma biex niftakru l-ħajja u l-vitalità tat-triq li kontinwament qed tiżviluppa.  Il-memorja mhux statika imma dinamika. Min-natura tagħha stess il-memorja timplika movement”.

Il-Papa qal li l-predeċessuri tiegħu, San Ġwanni Pawlu Ii u l-Papa Benedittu XVI diġa’ kienu nnutaw li d-dinja tal-lum m’għadiex konxja mill-Evanġelju bħal qabel. Dan kien jeħtieġ ristrutturar ta’ dipartimenti tal-Vatikan jew issuġġerew il-ħolqien ta’ dipartimenti ġodda.

Hu rrefera għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi u l-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli u qal li dawn twaqqfu fi żmien “fejn kien aktar faċli tiddistingwi bejn żewġ naħat: id-dinja Kristjana fuq naħa u dinja li għad trid tkun Evanġelizzata, fuq in-naħa l-oħra”.

“Illum din is-sitwazzjoni m’għadhiex teżisti. Dawk li ma semgħux il-proklamazzjoni tal-Evanġelju m’għadhomx jgħixu biss fil-kontinenti li m’humiex fil-Punent: dawk li ma humiex Evanġelizzati llum jinsabu kullimkien, speċjalment f’konċentrazzjonijiet urbani enormi li jinħtieġu kura pastorali speċifika. Fi bliet kbar hemm bżonn ta’ mapep ġodda biex jgħinuna nfasslu toroq ġodda ta’ kif naħsbu u naġixxu: Ma għadniex qed ngħixu fi żminijiet Kristjani”.

L-Evanġelju u l-kultura diġitali

Il-Papa żied jgħid li l-imbuttatura għat-tiġdid tal-proklamazzjoni tal-Evanġelju, ispirat ir-ristrutturar ta’ xi dipartimenti fil-Vatikan.  Fl-enċiklika “Evangelii Gaudium: Papa Franġisku kien diġa indika kif l-istili, l-attitudni, il-lingwi jridu jinbidlu “f’mod adattat għall-Evannġeliżazzjoni tad-dinja tal-lum u mhux nibqgħu nippreservawhom kif inhuma”.

Il-Papa spjega li l-ħolqien tad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni hu realtà li ġabret flimkien disa entitajiet separate tal-media tal-Vatikan hu issa qed jaqdi l-bżonnijiet tal-Knijsa.  Id-Dikasteru l-ġdid mhux sempliċi “koordinament ta’ gruppi” imma “armoniżazzjoni” biex nipproduċu servizz aħjar f’kultura diġitali.

“Il-kultura l-ġdida, fejn għandek konverġenza ta’ multi-media, jrid ikollha risposta adegwata mis-Sede Appostolika fil-qasam tal-komunikazzjoni. Illum, komparat ma’ diversi servizzi, il-mudel multi-medjali qed jipprevali u dan jindika kif irridu nikkonċepixxu, naħsbu u nimplimentaw. Dan, barra bidla kulturali jitlob ukoll, konverżjoni istituzzjonali u personali biex nimxu minn ħidma f’kompartimenti magħluqa għal waħda fejn naħdmu f’sinerġija flimkien” insista l-Papa.

 Struttura waħda – ħafna servizzi

Simili għal dan hu d-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman. Dan id-Diksteru ġdid inħoloq biex jintegra fih ix-xogħol li kien isir mill-Kunsilli Pontifiċji għall-Ġusizzja u l-Paċi, il-Cor Unum u l-Kura Pastorali tal-Emigranti u s-Saħħa tal-Care Workers, li issa nġabru b’mod aktar koerenti u magħqud.

Papa Franġisku żied jgħid lill-membri tal-Kurja Rumana li “Il-Knisja hi msejjħa biex tfakkar lil kulħadd li din mhix kwestjoni biss soċjali jew ta’ migrazzjoni, imma ta’ pesuni umani, ħutna li llum huma simbolu ta’ kull min hu skartat u mwarrab minn soċjetà globalizzata. Il-Knisja hi msejħa biex tagħti xhieda li għal Alla ħadd ma hu “barrani” jew “eskluż”. Il-Knisja għandha tqajjem il-kuxjenza rieqda fl-indifferenza, tar-realtà tal-Mediterran li sar ċimiterju ta’ ħafna nies, iżżejjed”.

Fost l-“isfidi kbar” u l-“bilanċ meħtieġ” li jimporta hu li l-Knisja u l-Kurja Rumana, l-ewwel u qabel kollox iqisu lill-umanità kollha bħala “ulied Alla wieħed”.

Il-Papa qal li hu konxju mid-diffikultajiet biex wieħed jiffċċja dawn l-isfidi u l-bżonn li kollox isir b’mod grdwali:  ma nistgħux ninsew l-effetti tal-iżbalji umani. “Marbut ma’ dan il-proċess storiku diffiċli, dejjem ikun hemm it-tentazzjoni biex nirritornaw lejn il-passat, għax inħossuni aktar siguri, nafuh u inqas konfrontattiv”.

“Hawnhekk irridu nkunu attenti mit-tentazzjoni li nieħdu pożizzjoni riġida. Riġidita li hi frott tal-biża’ mill-bidla u tispiċċa tifrex limitazzjonijiet u ostakli fit-triq tal-ġid komuni u tibdila f’żona imminati bl-inkomprenzjoni u l-mibegħda.  Ejja niftakru li wara r-riġidità hemm l-iżbilanċ. Ir-riġidita u l-iżbilanċ isaħħu lil xulxin f’ċirku vizzjuż”, temm iwissi l-Papa Franġisku.