“Bidla qabel l-elezzjoni; wara jkun tard wisq” – il-maġġoranza tal-MPs tal-PN

Il-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista stqarru li l-bid;a fit-tmexxija trid issir qabel l-elezzjoni ġenerali għaliex wara jkun tard wisq. Fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali li qed jitlaqqa’ mill-Kap tal-PN Adrian Delia, id-deputati qalu li l-proċess li beda xahar ilu “diġà qed iħalli l-frott”, hekk kif spjegaw li hu evidenti li l-entużjażmu fil-PN reġà beda jinħass. Qalu li bosta nies qed jagħmlu kuraġġ bit-tama li l-PN ikollu Kap ġdid li jagħti lill-partit “sens ta’ dinjità, serjetà, kredibilità u għaqda”.

Aħna m’aħniex lesti nħallu l-Partit jidħol għal elezzjoni ġenerali u mbagħad nippruvaw nagħmlu xi ħaġa wara, meta jkun tard wisq.

Il-Kunsillieri Ġenerali tal-Partit qed jivvutaw biex jagħtu ċ-ċans lit-tesserati jieħdu sehem fi proċess demokratiku.

Id-deputati qalu li l-pożizzjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap m’għadhiex aktar tenibbli, għal ħafna raġunijiet fosthom minħabba li ma rnexxilux jgħaqqad lill-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-Partit Nazzjonalista, ma rnexxilux jikkonvinċi lil dawk il-votanti li kienu waqfu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit u minħabba li skont id-deputati, “ħoloq firda kważi irreparabbli fost il-membri u l-attivisti tal-Partit bl-attitudni u bid-deċiżjonijiet tiegħu lejn Deputati u membri oħrajn tal-PN”.

Raġuni oħra elenkata mid-deputati hija li Delia ma rnexxilux iwarrab b’mod konvinċenti n-numru kbir ta’ allegazzjonijiet serji li saru dwaru u li poġġewh fil-pożizzjoni li l-ħin kollu jrid jiddefendi lilu nnifsu.

Temmu jgħidu li minn għada filgħaxija se jkunu jistgħu jibdew il-preparamenti għall-elezzjoni fost it-tesserati biex jagħżlu Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.