Jitneħħa l-kapitlu dwar id-drittijiet riproduttivi; tidħol statistika dwar il-kontroll furzat tal-popolazzjoni

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan neħħa l-kapitlu dwar “id-Drittijiet Riproduttivi” mir-rapport annwali tiegħu dwar id-Drittijiet Umani madwar id-dinja, u minflok poġġa statistika dwar “il-kontroll furzat tal-popolazzjoni”.
Il-Country Report tal-2017 dwar il-prattiċi tad-drittijiet umani li kien ippubblikat ftit jiem ilu fih informazzjoni dwar aborti furzati, sterilizzazzjoni ta’ bilfors u miżuri oħra ta’ kontroll tal-popolazzjoni b’mod furzat.
Michael Kozak tal-Bureau tad-Demokrazija, Drittijiet Umani u x-Xogħol qal li din il-bidla ma saritx biex tnaqqas id-drittijiet tan-nisa imma biex twaqqaf l-użu ta’ terminu li jista’ jinftiehem b’diversi modi li mhux kollha huma intenzjonati.
Il-gruppi favur il-ħajja laqgħu din il-bidla u qalu li “d-drittijiet riproduttivi hu ewfemiżmu għall-qtil ta’ ħajja umana fil-ġuf. Frażi li tagħti l-impressjoni li qed tagħti poter lill-mara li fil-verità mhix ħlief il-qtil ta’ trabi qabel jitwieldu”.
Kristan Hawkins, President tal-organizzazzjoni Studenti għall-Ħajja faħħret id-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Istat. “Din hi deċiżjoni tajba għax qed tagħraf il-mod kif l-abort qed jintuża bħala għodda kontra t-trabi. Id-deċiżjoni turi kemm hemm bżonn li jkollna amministrazzjoni favur il-ħajja”.
F’Jannar li għadda l-President Donald Trump kien qal li l-liġijiet dwar l-abort fl-Istati Uniti kienu ħżiena u kien hemm bżonn li jinbidlu.
“Aħna nħobbu kull tarbija, imwielda jew le għax kull ħajja hi sagra u kull tarbija hi rigal prezzjuż ta’ Alla. Minħabba fikom eluf ta’ Amerikani twieldu u laħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom”, kien qal Trump lil eluf li kienu qed jieħdu sehem f’marċ favur il-ħajja.