Bidla fil-kultura fil-kumpaniji ta’ Mizzi Organisation

’Il fuq minn 80 senior u middle managers minn erba’ kumpaniji ta’ Mizzi Organisation lestew il-kors ta’ taħriġ FranklinCovey 7 Habits of Highly Effective People™ Signature 4.0 bħala parti minn programm għall-implimentazzjoni ta’ bidla fil-kultura.
Il-maniġers imħarrġa kienu minn The General Soft Drinks Co. Ltd, Arkadia Marketing Ltd, The Waterfront Hotel u IELS (Institute of English Language Studies), kumpanija li tappartjeni lil Mizzi Group u l-FTI Group Gmbh. Sa tmiem il-kors, FranklinCovey (Malta) kienu taw 2,050 siegħa ta’ taħriġ fuq perjodu ta’ ġimgħatejn. Disgħa minn dawk li ngħataw it-taħriġ kisbu wkoll ċertifikazzjoni bħala faċilitaturi liċenzjati, bil-ħsieb li l-programm jitwassal ukoll lill-impjegati kollha aktar tard din is-sena.
Fid-diskors ta’ introduzzjoni, fil-bidu ta’ kull wieħed mill-erba’ programmi ta’ tlitt ijiem, Maria Micallef, Chief Operating officer tal-kumpaniji ta’ Mizzi Organisation u Direttur Eżekuttiv tal-IELS , qalet li hi tinsab kunfidenti li l-ħiliet miksuba mill-ħaddiema fit-taħriġ se jgħinuhom kemm fix-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali tagħhom.
Meta kkwotat ir-riżultati ta’ stħarriġ li sar fl-Istati Uniti, Micallef qalet li huma biss 14% tal-eżekuttivi li jiksbu dak li jemmnu li jistgħu jwettqu; 17% biss jippreparaw pjan ta’ ġurnata; u 50% biss iħossuhom sodisfatti bix-xogħol tagħhom. Hija ħeġġet lil dawk li attendew biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom bejniethom peress li din kienet l-ewwel inizjattiva ta’ taħriġ li saret mal-erba’ kumpaniji f’daqqa.