“Bidla biex tissaħħaħ id-demokrazija ta’ pajjiżna” – Dr Jose’ Herrera

Gvern ġdid hu kommess li jagħmel il-bidla. Dan sostnieh is-Segretarju Parlamentari għall-kultura u gvern lokali Jose’ Herrera, fl-aħħar mit-tliet ċerimonji tal-ħatra tal-kunsilliera, meta żied jgħid li bil-bidliet li hemm bżonn se tkompli tissaħħaħ id-demokrazija ta’ pajjiżna.

Fl-aħħar tlett ijiem, 229 kunsillier elett ħadu l-ġurament tagħhom ta’ kunsilliera wara li dawn ġew eletti fl-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu. Ta’ min jgħid li minn dawn, 49 kunsillier għandhom bejn it-18 u t-30 sena, filwaqt li 63 kunsillier li ħadu l-ġurament għandhom ’l fuq minn 55 sena.

Fost l-ewwel bidliet li ħabbar, is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera qal li wara l-20 ta’ Novembru li ġej, Gvern ġdid ser idaħħal fis-seħħ il-proposta li żgħażagħ ta’ 16-il sena jibdew jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi. Intqal li se titlaqqa konvenzjoni għal kunsilliera kollha ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll mistennija riforma tal-gwardjani lokali mill-aktar fis.