Biden se jikkontesta l-elezzjonijiet tal-2020 fl-Istati Uniti

L-eks-viċi President tal-Istati Uniti Joe Biden iddikjara li se jkun qed jikkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-2020. Dan qalu permezz ta’ filmat fejn argumenta li l-valuri prinċipali tal-pajjiż u tad-demokrazija jinsabu taħt theddida.

Biden, li għandu 76 sena, daħal fit-tellieqa diġà kemmxejn iffullata tad-Demokratċi għall-2020. Hu se jkun qed jikkompeti ma’ 19-il kandidat Demokratiku ieħor, fosthom is-Senatruri Elizabeth Warren, Kamala Harris u Bernie Sanders.

Filwaqt li għamel din l-aħbar, Biden sostna li jekk il-pajjiż jeleġġi mill-ġdid lill-President kurrenti Donald Trump, se jkun qed jagħti l-permess li l-karattru tan-nazzjon jinbidel kompletament. Sostna li ma jistax jibqa’ jħares lejn dak li qed jiġri lill-pajjiż mill-bogħod.