Biden mistenni jkun konfermat President illum

Gage Skidmore from Peoria, AZ, United States of America via Wikimedia Commons

L-eletturi rappreżentanti tal-kulleġġi elettorali llum se jkunu qed jinġabru fil-kapitali tal-istat rispettiv madwar il-pajjiż biex jivvutaw formalment u jikkonfermaw lil Joe Biden bħala l-president ta’ l-Istati Uniti li jmiss, u effettivament itemmu t-tentattivi tal-President Donald Trump li jxejjen ir-riżultat tal-elezzjoni Amerikana.

Il-voti stat bi stat ħadu sinifikat kbir ħafna din is-sena fid-dawl tal-attakk bla preċedent ta’ Trump fuq il-proċess demokratiku tan-nazzjon. Waqt li għamel numru ta’ talbiet foloz ta’ frodi mifruxa, Trump għamel pressjoni fuq uffiċjali tal-istat biex ixejnu r-riżultati tal-elezzjoni u jiddikjarawh ir-rebbieħ.

Fl-Istati Uniti, kandidat isir president mhux billi jirbaħ il-maġġoranza tal-vot popolari nazzjonali iżda permezz ta’ sistema ta’ Kulleġġ Elettorali, li jalloka voti elettorali għall-50 stat u d-Distrett ta’ Columbia ibbażati l-aktar fuq il-popolazzjoni tagħhom.